Hekk kif ninsabu ġurnata biss ’il bogħod mill-finali tal-Junior Eurovision Song Contest 2026, ir-rappreżentant Malti Beppe Caruana qed iħeġġeġ lill-pubbliku biex jappoġġjah permezz tal-vot tagħhom għall-kanzunetta Blue Bird. Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, Beppe fakkar li, għall-kuntrarju tal-Eurovision tal-kbar, fil-Junior Eurovision wieħed jista’ jivvota wkoll għall-pajjiż tiegħu stess, jiġifieri l-Maltin jistgħu jivvutaw għal Malta!
Il-votazzjoni hija kompletament b’xejn u ssir permezz tas-sit uffiċjali JESC.TV. Biex tivvota, trid tidħol fis-sit meta tiftaħ il-votazzjoni, tagħfas fuq “Vote Now”, tara filmat qasir bis-siltiet tas-16-il kanzunetta parteċipanti u tagħżel it-tliet pajjiżi favoriti tiegħek. Malta tista’ tkun waħda minnhom!
L-ewwel fażi tal-votazzjoni tiftaħ illejla, il-Ġimgħa 23 ta’ Ottubru, fil-11:59 ta’ billejl, u tibqa’ miftuħa sas-Sibt 24 ta’ Ottubru fit-8:59 ta’ filgħaxija. It-tieni opportunità biex tivvota tkun waqt il-finali, hekk kif il-votazzjoni terġa’ tiftaħ għal madwar 15-il minuta wara li jkunu kantaw is-16-il parteċipant.
Il-finali tal-Junior Eurovision Song Contest 2026 se tixxandar dirett fuq TVM għada, is-Sibt 24 ta’ Ottubru, fid-9:00 ta’ filgħaxija. Beppe rringrazzja lil kulħadd tal-appoġġ li qed jirċievi u ħeġġeġ lill-Maltin biex jingħaqdu warajh f’din l-avventura mużikali.
Awguri mill-qalb, Beppe! Nittamaw li Blue Bird tikseb riżultat mill-isbaħ għal Malta!
Facebook / Beppe Caruana