L-Arkivji Nazzjonali ta' Malta awguraw lil Twanny Mifsud, ir-Rebbieħ tal-Premju tal-Voluntier tas-Sena.
Huma spjegaw, "Twanny Mifsud beda jagħmel xogħol volontarju mal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta fl-2020 u minn dakinhar sar kontributur importanti fil-ħidma tagħna. Matul is-snin, Twanny għenna f’diversi ħidmiet, fosthom il-qari tal-provi u l-ikkatalogar tal-kollezzjonijiet tagħna, filwaqt li dejjem iddedika l-ħin u l-attenzjoni tiegħu biex ir-rekords tagħna jkunu aktar aċċessibbli għar-riċerkaturi u għall-pubbliku. Aktar riċenti, Twanny kien qed jaħdem fuq ir-rekords tas-Segretarju Ewlieni tal-Gvern għas-snin 1900 u 1901. Matul dawn l-aħħar tliet snin biss, huwa kkataloga 10,500 dokument minn dan il-fond, u b’hekk għen biex joħroġ għad-dawl rekords importanti."
Qalu wkoll, "Dawn ir-rekords issa qed jittellgħu fil-katalgu online tagħna, biex ir-riċerkaturi jkunu jistgħu jiskopruhom u jaċċessawhom aktar faċilment. Id-dedikazzjoni, il-konsistenza u l-ġenerożità ta’ Twanny fl-għoti tal-ħin tiegħu huma eżempju mill-isbaħ tal-kontribut importanti li l-voluntiera jagħtu lill-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta."
Mill-qalb huma awguraw lil Twanny għal dan ir-rikonoxximent u rringrazzjawh għall-kontribut imprezzabbli tiegħu.
Facebook / The National Archives of Malta