Użu Aħjar Ta’ Proprjetà Pubblika Biex Ikun Jista’ Jinbena L-Ewwel Ċentru Ta’ Riċerka Fl-Akwakultura U S-Sajd

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, kienu preżenti għal iffirmar ta’ ftehim bejn id-Dipartiment tal-Artijiet u l-Aġenzija Aquatic Resources Malta.

Permezz ta’ trasferiment ta’ proprjetà li bħalissa taqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Artijiet, f’pajjiżna se jkun qiegħed jinbeda l-proċess li għandu jwassal għall-bini tal-ewwel Ċentru għar-riċerka fl-akwakultura u s-sajd. Dan it-trasferiment se jkompli jsaħħaħ ir-riċerka fuq livelli internazzjonali permezz ta’ ċentru ġdid bl-aqwa għodda, ħiliet u riżorsi li dawn is-setturi jeħtieġu.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif permezz ta’ trasferiment ta’ art pubblika fi Triq il-Barrakki, f’Marsaxlokk, lil Aquatic Resources Malta, din l-art pubblika se sservi għal skop importanti f’oqsma li pajjiżna qed jinvesti fihom u li mhux biss isaħħu l-livell tar-riċerka f’pajjiżna, iżda permezz ta’ dan it-tip ta’ investiment jinħolqu impjiegi ġodda u ta’ kwalità.





Bħala parti minn din is-sinergija ta’ investiment fl-oqsma tal-akwakultura u s-sajd, il-Forti ta’ San Luċjan, f’Marsaxlokk, se jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-aġenzija Aquatic Resources Malta u se jkompli jaqdi l-istess funzjonijiet li diġà għandu relatati mar-riċerka dwar l-akwakultura u s-sajd.

Il-Ministru Owen Bonnici spjega kif il-Gvern kommess li l-art u l-proprjetà pubblika tkompli tintuża bl-aqwa mod possibbli biex isservi ta’ fejda kemm għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin, kif ukoll għat-tisħiħ tal-ekonomija fis-setturi kollha tagħha u l-ħolqien ta’ aktar ġid għal kulħadd.

Min-naħa tagħha, s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, qalet: “Kemm hu importanti li nkomplu ninvestu fir-riċerka favur l-akwakultura u s-sajd. Proġetti bħal dawn juru l-impenn tagħna bħala Gvern biex insaħħu s-setturi marittimi b’mod sostenibbli u innovattiv. L-użu aħjar ta’ proprjetà pubblika biex jinħoloq l-ewwel Ċentru ta’ riċerka fl-akwakultura u s-sajd huwa pass importanti li se jirrifletti tkabbir ekonomiku, ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u investiment fit-talent lokali.” Bugeja Said ikkonkludiet li: “Dan il-proġett mhux biss isaħħaħ ir-riċerka u l-iżvilupp, iżda jsaħħaħ ukoll il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru ewlieni fil-Mediterran f’dan il-qasam.”



L-aġenzija Aquatic Resources Malta, immexxija mill-Kap Eżekuttiv Dr Frank Fabri, bdiet topera fl-2024 u, bħala entità, twettaq bosta proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni li se jagħtu spinta lis-setturi lokali tas-sajd u l-akwakultura.

Wara li din l-aġenzija wettqet u se tibqa’ twettaq għadd ta’ rinnovazzjonijiet u riċerka fil-faċilitajiet tal-Forti ta’ San Luċjan, issa se tkun qed tassumi r-responsabbiltà tal-proċess li eventwalment għandu jwassal għall-ewwel bini ġdid ta’ riċerka fis-sajd u l-akwakultura fuq standards tal-għola livelli. Dan biex l-aġenzija, f’isem il-Gvern Malti, tkun tista’ tilħaq il-miri ambizzjużi li għandha quddiemha skont il-viżjoni2050.

Dan il-ftehim jikkonsisti fi trasferiment ta’ proprjetà li bħalissa taqa’ taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Artijiet. Permezz ta’ dan il-ftehim,għall-ewwel darba pajjiżna se jkollu Ċentru għar-riċerka fl-akwakultura u s-sajd. Din ir-riċerka tant bżonnjuża se ssir realtà permezz ta’ ċentru bl-aqwa għodda, ħiliet u riżorsi li dawn is-setturi jeħtieġu.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI