Il-kantant Malti Victorio Gauci qasam messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali wara li ġie mistieden biex jinterpreta kanzunetta speċjali li tfakkar l-800 anniversarju minn meta miet San Franġisk t’Assisi.
Victorio spjega li meta Fr George Ocar Buttigieg ikkuntattjah biex ikanta din il-kompożizzjoni, ma qagħadx jaħsibha darbtejn u aċċetta minnufih. Skont hu, id-deċiżjoni kienet waħda naturali, kemm minħabba t-twemmin personali tiegħu fir-reliġjon u fil-valuri li trabba bihom, kif ukoll minħabba r-rabta personali li għandu mal-qassis.
Fil-fatt, Victorio fakkar kif Fr George kien iċ-ċelebrant fil-jum tat-tieġ tiegħu u kif dejjem sabu ta’ spalla f’mumenti importanti f’ħajtu. Hu ddeskrivieh bħala persuna li dejjem kienet preżenti għalih u li qatt ma naqset milli tagħtih is-sapport tagħha.
Fl-istess messaġġ, Victorio stieden lill-pubbliku jagħti titwila lejn il-video u jisma’ l-kanzunetta, li tgħaqqad il-mużika mal-meditazzjoni spiritwali u t-tifkira ta’ figura li ħalliet marka kbira fl-istorja tal-Knisja. Dan il-proġett mhux biss ifakkar anniversarju storiku importanti, iżda juri wkoll kif il-mużika tista’ tkun mezz qawwi ta’ fidi, gratitudni u tifkira.
Il-kanzunetta għandha kliem ta’ Fr George Buttigieg u mużika ta’ Andrew Zammit, bi produzzjoni minn Tone Studios.
Facebook / Victorio Gauci