Post sempliċi li qasmu Mekren's Bakery fuq il-midja soċjali qanqal emozzjonijiet fost ħafna nies. Ir-raġuni kienet nota li ġiet flimkien ma’ ordni ta’ ftira, li fiha klijent talab biex il-ftira tiġi servuta mingħajr patata, u bil-ġbejniet biss.
Skont il-messaġġ, din it-talba kienet għal anzjana Għawdxija ta’ 92 sena li kienet fl-aħħar jiem tagħha. Il-familja tagħha spjegat li xtaqet terġa’ tduq il-ftira tradizzjonali li kienet tiftakar minn tfulitha – waħda mill-aħħar xewqat tagħha.
L-istorja tfakkarna kemm ikel tradizzjonali jista’ jġorr miegħu memorji, emozzjonijiet u rabta mal-familja u mal-passat. Fil-kumment li akkumpanja r-ritratt, Mekren's Bakery kitbu:
"Ħafna affarijiet jgħaddu kuljum mingħajr ma jkunu nnutati, iżda xi darba jistgħu jkunu propju dawk l-affarijiet li rridu l-aktar. Inħossuna grati."
Il-messaġġ tagħhom ifakkarna biex napprezzaw il-mumenti żgħar tal-ħajja u l-importanza li nuru empatija u ġenerożità lejn ħaddieħor. Prosit lil Mekren's li qata' x-xewqa li kellha l-anzjana.