Wara ż-żewġ serati mużikali fenomenali b’artisti ta’ fama internazzjonali li ttellgħu fi tmiem il-ġimgħa f’Ħal Għaxaq, issa jmiss l-aħħar serata li ser tittella’ nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Mejju.
Proprju nhar il-Ġimgħa li ġej, l-organizzaturi ta’ SummerLust Festival qed jorganizzaw spettaklu b’mużika mis-snin disgħin. Dan il-kunċert ser ilaqqa’ l-udjenza preżenti ma’ diversi artisti internazzjonali fosthom Ice Mc, Emma Hewitt u Alice DJ. Iżda dan mhux kollox, ma’ dawn jingħaqad ukoll it-talent lokali ta’ Ryan Spiteri u Tenishia.
Tajjeb wieħed isemmi li dan huwa kunċert bla ħlas għal kull min jattendi u m’hemmx bżonn ta’ biljetti. Fl-entratura tintalab biss donazzjoni għal Dar Bjorn. Però, għal dawk kollha li jixtiequ jkunu fiż-żona tal-VIP jew quddiem il-palk, jistgħu jixtru biljett minn fuq www.showshappening.com.
Dawk kollha li jattendu jistgħu jagħmlu użu miż-żoni ta’ parkeġġ li se jinfetħu f’żoni apposta qrib il-grawnds fejn ser jittella’ l-kunċert innifsu. Aktar dettalji u informazzjoni jistgħu jinkisbu minn fuq il-paġna ta’ Facebook; SummerLust -Għaxaq Music Events.
Dan il-festival qiegħed isir taħt il-patroċinju distint tal-Kunsill Malti għall-Arti, Festivals Malta u l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.