Ftit tal-jiem ilu, Daryl James għadu kif rebaħ il-kompetizzjoni The Voice of the Sea abbord il-cruise liner Costa Fascinosa. Din hija esperjenza unika li żgur se tibqa' stampata fil-memorja tiegħu.
Kollox beda b’mod pjuttost spontanju, meta Daryl ġie mistieden ikanta waqt Karaoke Night fuq il-cruise. Mingħajr wisq ħsieb, aċċetta l-istedina, iżda dak li ma kienx jaf hu kien li l-parteċipanti magħżula kienu se jkollhom l-opportunità li jkantaw fuq il-palk prinċipali tal-vapur bħala parti minn The Voice of the Sea.
Daryl intgħażel bħala wieħed mill-finalisti u beda jipprepara għal din l-esperjenza speċjali. Flimkien mal-finalisti l-oħra, huwa kellu wkoll l-opportunità jipprattika mal-kantanti uffiċjali tal-vapur, esperjenza li kompliet tagħmel din l-avventura waħda aktar memorabbli.
Imbagħad waslet il-lejla tant mistennija, meta Daryl tela’ fuq il-palk tat-teatru quddiem il-ġurija u l-udjenza. Minkejja l-emozzjoni u l-pressjoni tal-mument, irnexxielu jagħti prestazzjoni li ħalliet il-frott.
Fl-aħħar tal-kompetizzjoni, Daryl ġie ddikjarat ir-rebbieħ ta’ ‘The Voice of the Sea’, kisba li, kif qal hu stess, għadha diffiċli biex jemminha.
“Lejl tal-ġenn!” kiteb Daryl, filwaqt li esprima l-ferħ tiegħu għal din il-lejla li żgur mhux se jinsa.
Facebook/Daryl James