Kull sena, fil-21 ta’ Frar, id-dinja tiċċelebra l-jum internazzjonali tal-lingwa materna, jum imwaqqaf mill-UNESCO biex ifakkarna fl-importanza tal-lingwi bħala pilastri tal-identità, tal-kultura u tal-komunità. Għalina l-Maltin, dan il-jum għandu tifsira speċjali: ifisser il-Malti, ilsien uniku li jġorr fih l-istorja, il-ħsieb u r-ruħ ta’ pajjiżna.
Il-lingwa mhijiex biss mezz ta’ komunikazzjoni; hija xhieda tal-wirt tagħna u pedament tal-identità nazzjonali tagħna. Li nħobbu l-Malti jfisser li nużawh, li nħeġġu lil oħrajn jużawh, u li nassiguraw li jibqa’ preżenti fl-ispazji pubbliċi kollha, mill-iskejjel sal-istituzzjonijiet, mill-kummerċ sal-infrastruttura nazzjonali.
Il-paġna Il-Malti Madwarna qed terġa’ tqajjem diskussjoni li tolqot il-qalba tal-identità nazzjonali tagħna: il-preżenza, jew aħjar, in-nuqqas, tal-ilsien Malti fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, Is-sena li għaddiet tħabbar li l-ajruport ser jinvesti €345 miljun f’espansjoni infrastrutturali, inkluż terminal ġdid.
Proġett ta’ din l-iskala huwa opportunità unika biex jinbena mhux biss spazju modern u effiċjenti, iżda wkoll ambjent li jirrifletti tassew lil Malta, u dan ifisser li l-Malti għandu jkun viżibbli, prominenti u prijoritarju.
Fit-talba maqsuma mill-paġna, jingħad ċar u tond li fl-ajruport preżenti t-tabelli bil-Malti huma ftit li xejn. Fis-sala tat-tluq, fis-sala tal-inżul, fil-gates u fiż-żona tal-bagalji, is-sinjali huma kważi esklussivament bl-Ingliż. Dan, skont l-appell, mhuwiex aċċettabbli.
Il-punt ewlieni mhuwiex kontra l-Ingliż, lingwa essenzjali f’ambjent internazzjonali bħall-ajruport. Il-problema hija l-esklużjoni kważi totali tal-Malti, bl-iskuża li “il-Maltin jifhmuh l-Ingliż”. Il-fatt li ħafna Maltin huma bilingwi m’għandux jintuża bħala argument biex il-lingwa nazzjonali titwarrab minn spazju pubbliku daqshekk simboliku.
L-appell jenfasizza li l-preżenza tal-Malti mhijiex biss kwistjoni ta’ simboliżmu, iżda ta’ dritt. Iċ-ċittadin Malti u Għawdxi għandu d-dritt jara lsienu użat f’pajjiżu stess. Hemm ukoll dimensjoni oħra importanti: dik tal-viżitatur. Madwar id-dinja, l-ajruporti jagħtu prijorità lill-lingwa lokali fis-sinjali tagħhom, anke meta jinkludu lingwi oħra. Għal min jasal minn barra, il-lingwa lokali hija l-ewwel indikazzjoni ċara li wasal f’pajjiż differenti, b’identità distinta. L-ilsien huwa parti integrali mill-esperjenza kulturali.
Meta turist jasal Malta u jara biss l-Ingliż, x’messaġġ qed nibagħtu? Li l-lingwa tagħna ma teżistix? Li mhijiex importanti biżżejjed biex tintwera? Il-Malti huwa parti essenzjali mill-identità Maltija. Huwa l-unika lingwa Semitika miktuba bil-latin, frott storja kumplessa u għanja li tifrex fuq sekli sħaħ. Li ma jkunx viżibbli fl-ajruport nazzjonali tagħna huwa, kif tgħid it-talba, ta’ mistħija.
L-appell huwa wieħed kostruttiv: li parti mill-investiment ta’ €345 miljun tintuża biex jiġu ddisinjati u installati tabelli bilingwi jew multilingwi li jipprijoritizzaw lill-Malti. Dan ma jfissirx li jitneħħa l-Ingliż, iżda li l-Malti jingħata l-ewwel post, kif jiġri f’ħafna pajjiżi oħra.
Għal gwida terminoloġika u lingwistika, qed jiġi ssuġġerit ukoll li l-awtoritajiet jikkuntattjaw lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, li għandu l-kompetenza biex jassisti f’dan il-qasam.
Il-messaġġ tal-paġna Il-Malti Madwarna huwa ċar, jekk verament inħobbu l-lingwa tagħna, irridu nitkellmu u naġixxu. L-espansjoni tal-ajruport hija mument kruċjali biex niżguraw li l-Malti ma jibqax inviżibbli f’wieħed mill-aktar spazji simboliċi ta’ pajjiżna.
Il-mistoqsija li titħalla mdendla fl-aħħar tal-appell hija sempliċi iżda qawwija: x’għandu daqshekk ħażin il-Malti? Jekk nemmnu li m’għandu xejn ħażin u li, anzi, huwa sors ta’ kburija allura wasal iż-żmien li narawh fejn jistħoqqlu jkun fuq it-tabelli tal-ajruport tagħna, jilqa’ kemm lill-Malti li rritorna kif ukoll lit-turist li għadu kemm wasal.
Facebook / Malta International Airport