“Xi Ġmiel! X’Valuri!” – Il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca Tfaħħar Lil Kai Ta’ Sitt Snin Għad-Donazzjoni Ta’ €1,350

Ġest tassew sabiħ minn Kai Said, tifel ta’ sitt snin li ddeċieda li l-flus li rċieva bħala rigali għal għeluq sninu jagħtihom lil The Malta Trust Foundation sabiex jgħin tfal oħra li għandhom bżonn l-appoġġ. Waqt laqgħa mal-Familja Said f’Ta’ Saura, Kai mar flimkien mal-ġenituri tiegħu u t-tarbija tal-familja biex jippreżenta d-donazzjoni sabiħa ta’ €1,350.

Minkejja l-età żgħira tiegħu, Kai għażel li jaħseb f’oħrajn u juża r-rigali li rċieva biex jagħmel differenza fil-ħajja ta’ tfal bħalu. Hu spjega li xtaq jagħti dawn il-flus "biex jgħin lil tfal bħalu li għandhom bżonn is-sapport". "Xi ġmiel! X’valuri!" intqal fil-messaġġ ippubblikat mill-President Emeritus Marie Lousie Coleiro Preca wara din il-laqgħa, fejn il-Familja Said ġiet deskritta bħala familja ta’ ispirazzjoni kbira.

Ringrazzjament speċjali ngħata lil Kai għall-ġest ġeneruż tiegħu, kif ukoll lill-familja tiegħu għall-valuri li qed trawwem fih minn età daqshekk żgħira. "Grazzi li qed tgħinu biex Malta tnissel il-valuri etiċi fil-ġenerazzjoni li jmiss. Il-valuri tal-imħabba u s-solidarjetà," temm il-messaġġ tagħha.

Prosit tassew lil Kai! Ġest bħal dan juri li m’hemmx għalfejn tkun kbir fl-età biex ikollok qalb tassew kbira.

Ritratti:

Facebook / Marie Louise Coleiro Preca

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI