Il-Ministru Glenn Bedingfield ħabbar li matul il-lejl li għadda, 19-il persuna twaqqfu mill-Pulizija flimkien ma’ Uffiċjali tad-Detenzjoni wara li nstabu jgħixu Malta illegalment.
F’post fuq il-midja soċjali, il-Ministru enfasizza li Malta tibqa’ pajjiż akkoljenti li jemmen f’sistema ġusta u jirrispetta l-obbligi tiegħu bħala stat, iżda sostna li l-awtoritajiet ma jistgħux jippermettu illegalitajiet.
“Aħna pajjiż akkoljenti, għandna obbligi bħala stat u nemmnu f’sistema ġusta. Ma nistgħux nippermettu illegalitajiet,” kiteb Bedingfield. Huwa spjega li wara l-intervent tal-awtoritajiet, dawn id-19-il persuna issa se jibdew il-proċess biex jintbagħtu lura lejn il-pajjiżi tagħhom.
Il-Ministru saħaq li l-ħidma tal-awtoritajiet tkompli sabiex jiġu infurzati l-liġijiet tal-immigrazzjoni u biex jiġi żgurat li kull min jinsab fil-pajjiż ikun qed jirrispetta r-regolamenti stabbiliti.
Facebook / Glenn Bedingfield