12-il Rekord Nazzjonali Diġà Nkisbu Matul l-Istaġun tal-Festi U Għad Fadal Aktar!

L-istaġun tal-festi Maltin u Għawdxin kompla jħalli l-marka tiegħu hekk kif The Malta Records ħabbru li s'issa diġà ġew irreġistrati 12-il rekord nazzjonali, b'uħud minnhom ikunu rekords ġodda filwaqt li oħrajn kisru rekords eżistenti.

L-organizzazzjoni enfasizzat is-sinifikat tan-numru 12, u qabbiltu mat-"12-il plejer" fil-futbol – il-partitarji. Skont The Malta Records, bħalma l-partitarji jagħtu l-ispinta lit-tim fil-grawnd, hekk ukoll il-voluntiera tal-festi huma l-forza li tmexxi 'l quddiem dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, billi b'ħidma, dedikazzjoni u sagrifiċċju joħolqu spettakli li jattiraw eluf ta' dilettanti.

L-organizzazzjoni rringrazzjat lill-individwi, gruppi u għaqdiet li sa issa kisbu dawn ir-rekords u ġabu unur lill-lokalitajiet tagħhom. Dawn huma:

  • Għaqda Armar Fontana
  • Żejtun Banda Beland (tal-Ħodor)
  • Banda Żejtun (tal-Ħomor)
  • Thiago Zian Mallia (San Ġorġ, Ħal Qormi)
  • Għaqda tan-Nar tal-Ġilju Mqabba
  • Kummissjoni Nar fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Marija Annunzjata Balzan
  • Għaqda Melita Banda San Ġużepp, l-Imsida
  • Għaqda tan-Nar 20 ta' Lulju, is-Sannat

Madankollu, jidher li dan huwa biss il-bidu. The Malta Records ħabbru li għad hemm aktar rekords mistennija, bl-eqreb attentat għal rekord nazzjonali jkun se jsir nhar il-Ħamis waqt il-marċ organizzat mill-Banda King's Own tal-Belt Valletta fl-okkażjoni tal-festa ta' San Duminku ta' Gużman.

Fl-għeluq tal-messaġġ tiegħu, The Malta Records awgura l-festa t-tajba lil dawk kollha li se jiċċelebraw il-festa tal-belt jew tar-raħal tagħhom fil-ġimgħat li ġejjin, filwaqt li sellem il-ħidma ta' dawk kollha li jżommu ħajja waħda mit-tradizzjonijiet l-aktar għeżież ta' pajjiżna.

"Evviva l-festi Maltin u Għawdxin," temm jgħid il-messaġġ.

Ritratti:

Facebook / The Malta Records

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI