Il-Knisja ta’ Ġieżu – il-Patrijiet Franġiskani fil-Belt Valletta, ħarġet stqarrija oħra fejn saħqet li t-tħassib tagħha dwar l-attivitajiet fi Triq San Ursola huwa bbażat fuq dak li qed jesperjenzaw ir-residenti stess. "Jekk ma temmnux lilna, staqsu lir-residenti," sostnew.
Fil-messaġġ tagħhom qalu, li hekk imsejħa "shows tan-nisa", qatt ma waqfu u li huma jiġu infurmati kontinwament mir-residenti, tant li saħansitra jibagħtulhom filmati li jmorru lura għall-2024, l-2025 u anke għal din is-sena.
Il-Patrijiet żiedu li l-problemi tal-istorbju u n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà għadhom ma ġewx solvuti, filwaqt li semmew li sa nhar is-Sibt li għadda kellha tintervjeni l-Pulizija.
Huma spjegaw, li l-għan tal-appell tagħhom hu li ma jitħalliex jinfetaħ stabbiliment ieħor qrib il-Knisja ta’ Ġieżu, għax, skonthom, dan jista’ jkompli jhedded il-karattru u l-identità tal-post. Fl-istess ħin appellaw, biex il-kwistjoni ma tinbidilx f’waħda politika, filwaqt li saħqu li dejjem servew lill-komunità mingħajr partiġġjaniżmu u b’ġid komuni bħala prijorità.
Facebook/Knisja ta’ Ġieżu – Patrijiet Franġiskani l-Belt Valletta