Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa sellem il-ħatra ta’ Ivan Mifsud bħala Spettur tal-Pulizija, wara snin twal ta’ servizz dedikat fil-Korp tal-Pulizija bħala Surġent.
F’messaġġ ippubblikat fuq il-midja soċjali, il-Kunsill faħħar il-kontribut li ta Mifsud matul is-snin, partikolarment permezz tal-ħidma tiegħu flimkien mal-Community Police fil-Mellieħa. Il-Kunsill spjega li kellu l-opportunità jaħdem mill-qrib miegħu f’diversi inizjattivi u kollaborazzjonijiet li kienu ffukati fuq il-komunità.
Il-Kunsill enfasizza li l-impenn tiegħu kien dejjem immirat lejn is-sigurtà, iż-żamma tal-ordni u l-ġid tar-residenti tal-Mellieħa, filwaqt li rringrazzjah tas-servizz li ta lill-lokalità matul is-snin.
"Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa jawgura lil Ivan Mifsud għall-ħatra tiegħu bħala Spettur tal-Pulizija, wara snin ta’ servizz dedikat bħala Surġent," kiteb il-Kunsill, filwaqt li żied li kien ta’ pjaċir jaħdem miegħu "b’kollaborazzjoni diretta mal-komunità u b’impenn favur is-sigurtà, l-ordni u l-ġid tar-residenti."
Il-messaġġ intemm b’ringrazzjament għall-ħidma tiegħu fil-Mellieħa u b’awguri għall-futur, "Nirringrazzjawh tal-ħidma tiegħu fil-lokalità tagħna u nawgurawlu kull suċċess f’dan il-pass importanti fil-karriera tiegħu."
Facebook / Mellieha Local Council