Martin Azzopardi jerġa’ jagħmel sfida għal Caritas Malta, din id-darba 252 kilometru bir-rota minn Messina sa Pozzallo. Wara s-suċċess tas-sena li għaddiet meta temm distanza ta’ 170km bir-rota minn Pozzallo sa Ortigia fi Sqallija b’risq Caritas Malta, Martin Azzopardi se jerġa’ jħaddem il-passjoni tiegħu għal din il-kawża billi jwettaq sfida aktar diffiċli: distanza ta’ 252km minn Messina għal Pozzallo, bejn is-7 u t-8 ta’ Ġunju 2025.
Din l-inizjattiva qed issir biex jinġabru fondi b’risq Caritas Malta – organizzazzjoni li Martin jgħożż ħafna. Huwa qal li ddeċieda li jirdoppja d-distanza ta’ din is-sfida, grazzi għas-sapport kbir li sab mingħand il-familja, ħbieb, it-tim tiegħu u l-Caritas stess. Kull kilometru li jagħmel se jkun bħala rappreżentazzjoni tan-nies li jfittxu għajnuna mingħand Caritas Malta.

Fi kliemu, Martin qal, “Għal darb’oħra għażilt lil Caritas għax din il-fondazzjoni hija tassew għal qalbi. Fil-ħidma tiegħi ta’ kuljum niltaqa’ ma’ ħafna individwi u familji li jkollhom bżonn l-għajnuna ta’ din l-organizzazzjoni, u naf bosta minnhom li llum reġgħu sabu posthom fis-soċjetà b’dinjità sħiħa – qishom twieldu mill-ġdid. Għandi wkoll għożża speċjali lejn il-memorja ta’ Monsinjur Victor Grech, li ħeġġiġni ferm fl-ewwel avventura tiegħi biex inkompli ngħin lil min jinsab fil-bżonn.”
Martin spjega li minn meta temm l-isfida tas-sena l-oħra beda jipprepara għal din il-maratona l-ġdida. It-taħriġ intensiv hu kruċjali biex jasal ippreparat għal din l-isfida fiżika u mentali li tirrikjedi dedikazzjoni kbira. Martin jappella biex iktar persuni li għandhom bżonn is-servizzi ta’ Caritas ikunu konxji mis-servizzi bla ħlas li toffri l-organizzazzjoni. Barra minn hekk, japprezza kull forma ta’ donazzjoni li tista’ tgħinu jgħaddi l-fondi lil Caritas sabiex din tkompli ssaħħaħ is-servizzi tagħha fis-soċjetà Maltija.

Hu wkoll esprima gratitudni lejn dawk kollha li qed jappoġġjawh – b’mod speċjali lil martu Sandra li dejjem tinsab warajh f’kull inizjattiva, lill-kollegi tiegħu, lill-ħbieb u lit-team li se jakkumpanjawh, inkluż id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt. Irringrazzja wkoll lis-sponsors: Isotonic Drink, Casapinta Exhibitions and Events, Joseph Woodworks Ltd, Virtu Ferries Ltd, kif ukoll lit-team ta’ Emergency Malta – kollha jagħtu l-kontribut tagħhom biex jagħmlu din il-maratona realtà.
Tista’ turi l-appoġġ tiegħek billi tagħti donazzjoni fuq Revolut: 9965 6510. Din l-inizjattiva hija parti mill-kampanja ta’ Caritas Malta fejn individwi, kumpaniji jew gruppi jorganizzaw attivitajiet b’risq Caritas. Il-fondi miġbura jkunu ta’ għajnuna diretta għax-xogħol li twettaq l-organizzazzjoni – fosthom djar terapewtiċi għar-riabilitazzjoni mid-droga u servizzi psiko-soċjali mill-Caritas Community Centre fil-Ħamrun – kollha offruti bla ħlas lill-komunità.
