Fit-28 ta’ Lulju 1998, ħalliena l-attur tant maħbub Josie Coppini fl-età ta’ 64 sena. Josie kien twieled fil-Belt Valletta fit-21 ta’ Diċembru 1933 u kiseb l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ Stella Maris, il-Gżira. L-attur għex għal snin twal f’San Ġiljan, fejn miet fi Triq Spinola.
L-imħabba tiegħu lejn il-palk bdiet grazzi għall-mużika, infatti fatt interessanti li mhux kulħadd jiftakar hu li Josie Coppini kien imħarreġ bħala baritonu minn zijuh, Joseph Satariano. Kien ħa sehem f’diversi produzzjonijiet magħrufa fosthom Ġensna, Iskra, u La Traviata ta’ Verdi, li kienet ittellgħat fit-Teatru Manoel. Produzzjonijiet fejn wera l-ħiliet artistiċi tiegħu.
Josie Coppini deher ukoll f’bosta films internazzjonali li nġibdu f’Malta, fosthom The Trenchcoat (1983), Final Justice (1985), u Black Eagle (1988). Fuq it-televiżjoni Maltija, il-karriera tiegħu kienet waħda prolifika, b’parteċipazzjoni f’numru ta’ produzzjonijiet popolari bħal F’Baħar Wieħed (1977), In-Neputija tal-Kappillan, Issa Naraw, Ir-Ronnie, u Triq Waħda. Il-parti ta’ Ronnie, baqgħet waħda marbuta wisq ma’ Josie Coppini. In-natura komika ta’ dan il-karattru għen ikabbar il-popolarità tiegħu.
Il-wirt artistiku ta’ Josie Coppini jibqa’ jixxandar fil-memorja kollettiva tagħna bħala wieħed mill-aqwa ismijiet fix-xena teatrali u televiżiva Maltija.