Fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi lesta 27 proġett b’kollaborazzjoni ma’ għaqdiet mhux governattivi madwar Malta. Bħalissa għaddejja ħidma fuq disa’ proġetti oħra, filwaqt li s’issa 29 għaqda differenti bbenefikaw minn dawn l-interventi.
Il-proġetti jinkludu xogħlijiet ta’ restawr, manutenzjoni, rinnovar u modernizzar ta’ diversi spazji komunitarji, bil-għan li l-faċilitajiet ikunu aktar siguri, aċċessibbli u adattati għall-bżonnijiet ta’ dawk li jużawhom.

Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, il-Perit Stephen Bonello, żaru l-Kunvent tas-Sorijiet Dumnikani f’Ħal Safi biex jaraw ix-xogħlijiet li saru fuq il-binja.
“Meta ninvestu fl-ispazji tal-għaqdiet tagħna, inkunu qed ninvestu direttament fil-komunitajiet tagħna u fin-nies li jagħtu l-ħin u l-enerġija tagħhom biex jagħmlu differenza fis-soċjetà,” qalet il-Ministru Zerafa Civelli.
Fil-Kunvent tas-Sorijiet Dumnikani sar intervent fuq il-blajjet tal-bibien, li l-istat tagħhom kien qed joħloq riskju għas-sigurtà. Wara stħarriġ tekniku, ġie identifikat li d-dħul kontinwu tal-ilma kien il-kawża ewlenija tad-deterjorament. Għalhekk saru xogħlijiet ta’ tiswija u konsolidazzjoni, kif ukoll trattament apposta biex il-problema ma terġax tfeġġ.
Il-Kappillan tal-Parroċċa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl ta’ Ħal Safi, Dun Ivan Scicluna, irringrazzja lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u qal li dawn l-interventi qed jagħmlu differenza konkreta għall-komunità.

Ħidma estensiva saret ukoll fiċ-Ċentru Parrokkjali ta’ Ħal Safi, magħruf bħala d-Domus. Hawnhekk saru xogħlijiet fil-kmamar tal-banju u l-kurituri, tisħiħ strutturali fiż-żona tal-palk, interventi fil-bitħa, servizzi ġodda, pavimentar u illuminazzjoni, kif ukoll restawr tal-faċċata u tal-ħitan tal-parapett.
B’hekk, id-Domus ingħatat dehra ġdida u ambjent aktar sigur u akkoljenti, b’diversi spazji li jistgħu jintużaw għal attivitajiet komunitarji, b’mod partikolari dawk immirati lejn it-tfal.
Ix-xogħlijiet f’Ħal Safi huma parti minn sensiela usa’ ta’ interventi li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed iwettaq ma’ għaqdiet mhux governattivi, bil-għan li binjiet u spazji importanti għall-komunitajiet jibqgħu jservu lin-nies fis-snin li ġejjin.
Preżenti waqt iż-żjara kien hemm ukoll il-Perit responsabbli mill-proġett u s-Sindku ta’ Ħal Safi, Johan Mula.