Wara Li Ġabu Żewġ Eks Stilel Tal-Juventus F’Malta – Black & White Lura B’Format Ġdid

Black & White, komunità Maltija li matul is-snin ġabret madwarha għexieren ta’ eluf ta’ segwaċi b’passjoni komuni lejn il-Juventus, se tkun qed tirritorna għall-istaġun 2026/27 b’format ġdid li se jagħti aktar spazju lill-vuċi tal-partitarji.

Mill-4 ta’ Settembru se jibda “10 Minuti mal-Partitarju”, programm qasir u dinamiku li f’kull edizzjoni se jwassal għaxar minuti ta’ diskussjoni dwar il-Juventus, dak li jkun qed jiġri madwar it-tim, kif ukoll l-opinjonijiet u l-emozzjonijiet ta’ dawk li jsegwuh mill-qrib. Il-programm se jkun jista’ jiġi segwit fuq Facebook, Instagram, TikTok u YouTube.

Black & White beda minn passjoni lejn il-Juventus, iżda maż-żmien żviluppa f’komunità kbira ta’ segwaċi f’Malta. F’Mejju li għadda, il-proġett wassal ukoll f’pajjiżna żewġ ismijiet magħrufa sew fost il-partitarji Juventini, Alessio Tacchinardi u Vincenzo Iaquinta.

Iż-żewġ eks plejers tal-Juventus kienu f’Malta għal avveniment speċjali appoġġjat minn VisitMalta, li għalih attendew aktar minn 200 persuna. Is-serata kienet opportunità biex il-partitarji Maltin jiltaqgħu mill-qrib ma’ żewġ persuni li ħallew il-marka tagħhom mal-klabb Taljan.

Issa, permezz ta’ “10 Minuti mal-Partitarju”, Black & White qed ifittex li jqarreb aktar lill-komunità lejn il-kontenut tiegħu. Il-format se jkun aktar dirett u mexxej, bil-ħsieb li dawk li jsegwuh mhux biss jisimgħu dak li jkun qed jingħad, iżda jkollhom ukoll vuċi fid-diskussjoni.

Matul l-istaġun il-ġdid, Black & White se jkompli jaħdem biex ikabbar il-komunità Juventina f’Malta, filwaqt li jwassal kontenut oriġinali u joħloq aktar esperjenzi u opportunitajiet għall-partitarji.

L-ewwel edizzjoni ta’ “10 Minuti mal-Partitarju” se tkun disponibbli mill-4 ta’ Settembru 2026.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR

PARTNERS UFFIĊJALI