Hemm vuċijiet li, anke wara li jispiċċaw jinstemgħu, qatt ma jgħibu għalkollox. Wieħed minn dawn huwa bla dubju dak ta’ Sammy Bartolo, il-kantant Mellieħi li llum, 29 sena wara mewtu, għadu jgħix fil-memorja ta’ dawk kollha li jħobbu l-kanzunetti Maltin.

Sammy miet fit-22 ta’ Novembru 1997, fl-età ta’ 50 sena, iżda ħalla warajh wirt mużikali li ż-żmien ma rnexxilux iħassar. Bħala l-vuċi tan-New Cuorey, huwa għamel magħrufa kanzunetti li saru parti mill-identità mużikali tagħna, fosthom Il-Bajja tal-Mellieħa, L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel u Id-Dgħajsa tal-Latini.
F’epoka fejn il-mużika barranija kienet tiddomina ħafna mid-divertiment, Sammy u n-New Cuorey taw spazju lill-Malti, lill-postijiet tagħna, lit-tradizzjonijiet u lill-ħajja ta’ kuljum tal-poplu tagħna. U forsi proprju għalhekk il-kanzunetti tagħhom għadhom jolqtu l-qalb sal-lum.
L-istorja tiegħu ma waqfitx mal-mewt. Uliedu komplew ikantaw il-kanzunetti li għamel magħrufa missierhom, filwaqt li l-mużika tiegħu kompliet tinstema’ f’kunċerti, musicals u interpretazzjonijiet ġodda.
