L-MEP Malti Alex Agius Saliba qal li se jkompli jiddefendi t-tradizzjoni Maltija tal-logħob tan-nar wara li, skontu, bdiet issir pressjoni minn numru ta’ attivisti Ewropej biex l-Unjoni Ewropea twaqqaf il-produzzjoni u l-użu tan-nar tal-ajru.
F’messaġġ li qasam fuq il-midja soċjali, Agius Saliba spjega li diġà kien irrefera għal email li ntbagħtet lill-MEPs Maltin minn attivista barranija li appellat biex tittieħed azzjoni kontra l-logħob tan-nar. L-MEP sostna li għamilha ċara li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex kompetenza f’dan il-qasam u għalhekk m’għandhiex tindaħal f’din il-kwistjoni.
“Għamiltha ċara diġà wara email li ntbagħtet lill-MEPs Maltin minn attivista barranija sabiex ma tindaħalx fejn ma jesaħiex hekk kif l-Unjoni Ewropeja m’għandha l-ebda kompetenza f’dan ir-rigward,” kiteb Agius Saliba.
Huwa tenna li se jibqa’ jieħu l-istess pożizzjoni fil-futur, filwaqt li enfasizza l-importanza kulturali u tradizzjonali tal-logħob tan-nar għall-poplu Malti. “Hekk għamilt u hekk ser inkompli nagħmel għax mal-kultura u l-identità tagħna m’hemmx logħob,” żied jgħid.
Il-logħob tan-nar ilu għal snin twal parti integrali mill-festi Maltin u Għawdxin, b’għadd kbir ta’ voluntiera u dilettanti jaħdmu matul is-sena kollha biex iħejju spettakli pirotekniċi li jattiraw eluf ta’ persuni kull sena.
Il-kummenti ta’ Agius Saliba waslu fi żmien meta qed jissaħħu d-diskussjonijiet f’diversi pajjiżi Ewropej dwar l-impatt ambjentali u l-użu tal-logħob tan-nar, tema li qed tqajjem dibattitu bejn dawk li jridu aktar restrizzjonijiet u oħrajn li jqisuh bħala parti importanti mill-wirt kulturali tagħhom.
Facebook / Alex Agius Saliba