L-istokk tad-demm f’Malta laħaq livell kritiku, u għalhekk qed isir appell urġenti lill-pubbliku biex jagħti d-demm u jgħin biex jiġu salvati ħajjiet.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm ħabbar li għada, il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm f’G’Mangia se jkun miftuħ sas-20:00 biex joffri aktar opportunitajiet lil dawk li jixtiequ jagħtu d-demm.
Fl-appell tiegħu, is-servizz fakkar li ħafna pazjenti jiddependu fuq donazzjonijiet regolari tad-demm biex jirċievu l-kura li għandhom bżonn, u sostna li kull donazzjoni tista’ tagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ persuna oħra.
“Il-pazjent għandu bżonnok. Ejja u agħti d-demm. Id-donazzjoni tiegħek issalva l-ħajjiet,” jgħid il-messaġġ li qed jiġi ċċirkolat.
Għal dawk li jistgħu jsibu diffikultà fit-trasport, qed jiġi offrut servizz ta’ trasport bla ħlas. Min jixtieq jibbenefika minn dan is-servizz jista’ jċempel fuq 2206 6201 biex jibbukkja.
Dawk li jmorru jagħtu d-demm huma mfakkra biex jieħdu magħhom il-karta tal-identità. L-awtoritajiet qed iħeġġu lill-pubbliku biex jirrispondi għal dan l-appell sabiex l-istokk tad-demm jerġa’ jilħaq livelli adegwati u jkun jista’ jkompli jissodisfa l-ħtiġijiet tal-pazjenti madwar il-pajjiż.