Il-Membru Parlamentari Nigel Vella spjega r-raġuni għaliex ilbieraħ kellu jitlaq minn fuq is-sett tal-programm Popolin wara l-ewwel brejk, waqt li l-programm kien għaddej live. F’messaġġ li qasam fuq il-midja soċjali, Vella qal li ftit qabel beda l-programm kien ġie infurmat li ommu ddaħħlet l-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Huwa spjega li waqt il-programm beda jirċievi aġġornamenti dwar is-sitwazzjoni tagħha u għalhekk ħa d-deċiżjoni li jitlaq mal-ewwel opportunità biex ikun jista’ jmur ħdejha. “Għal dawk li bagħtu jistaqsu għalfejn ilbieraħ kelli nitlaq wara l-ewwel brejk tal-programm ‘Popolin’, irid ngħid li ftit qabel ma beda l-programm kont infurmat li ommi ddaħħlet l-emerġenza l-isptar,” kiteb Vella.
Fortunatament, huwa ta aħbarijiet pożittivi dwar il-kundizzjoni ta’ ommu, fejn qal li minkejja li għadha rikoverata l-isptar, issa tinsab aħjar. “Għal grazzja ta’ Alla, ommi, għalkemm rikoverata l-isptar, tinsab aħjar,” żied jgħid.
Fl-istess messaġġ, Nigel Vella rringrazzja lil dawk kollha li bagħtulu messaġġi ta’ sostenn kif ukoll lill-kollegi tiegħu għall-appoġġ li tawh matul din is-sitwazzjoni diffiċli. Aħna ningħaqdu ma’ dawk kollha li qed jawguraw fejqan ta’ malajr lil ommu.
Facebook / Nigel Vella