Ilbieraħ immarka t-tielet anniversarju mill-mewt ta’ Tony Zarb, wieħed mill-aktar ismijiet magħrufa u rispettati fil-moviment tal-ħaddiema f’Malta. Zarb miet fid-29 ta’ Mejju 2022, iżda l-wirt tiegħu fil-qasam soċjali u sindakali għadu jħalli impatt sal-lum.
Matul is-snin tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Tony Zarb kien magħruf għall-vuċi qawwija tiegħu favur il-ġustizzja soċjali, id-drittijiet tal-ħaddiema u l-ugwaljanza. Ma kienx jibża’ jieħu pożizzjonijiet kontroversjali u dejjem kien juri impenn sħiħ biex jiddefendi lil dawk li l-aktar kienu jeħtieġu l-għajnuna.
Minkejja l-kritika li xi kultant kienet tiġi indirizzata lejh, Zarb baqa’ figura konsistenti li kellha l-kuraġġ titkellem b’mod miftuħ dwar il-politika, l-ekonomija, u s-soċjetà. Kien ukoll magħruf għall-istil diretti tiegħu u l-ħidma bla heda li dejjem kienet ispirata mill-prinċipji tal-ħidma u s-solidarjetà.
Kienu ħafna li fakkruh u wrew apprezzament u rispett fuq il-midja soċjali. F’isem dawk kollha li għadhom jemmnu fil-ġustizzja soċjali u d-dinjità tal-ħaddiema, infakkru l-memorja ta’ Tony Zarb.