Aħbar pożittiva għall-ħajja marittima f’pajjiżna hekk kif matul l-2027 mistennija jinħelsu xejn inqas minn 50,000 rizza fil-baħar Malti, bil-għan li din l-ispeċi terġa’ tibda tokktor fl-ibħra tagħna. Dan ħabbritu s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali tagħha, fejn spjegat li dan il-proġett beda sentejn ilu wara deċiżjoni tal-Gvern li jinbeda programm għat-tfaqqis tar-rizzi.
"Sentejn ilu, bħala Gvern, ħadna d-deċiżjoni li nibdew proġett biex infaqqsu r-rizzi. Issa, fl-2027, mistennija jinħelsu 50,000 rizza fil-baħar Malti," kitbet Bugeja Said. Dan il-proġett għandu l-għan li jgħin biex tiżdied il-popolazzjoni tar-rizzi, li għandhom rwol importanti fl-ekosistema tal-baħar.
Is-Segretarju Parlamentari rringrazzjat ukoll lix-xjentisti Maltin u barranin li ħadmu fuq din l-inizjattiva, filwaqt li ddeskriviet dan l-iżvilupp bħala pass importanti biex ir-rizzi jerġgħu joktru fl-ibħra Maltin. Nittamaw li din l-inizjattiva tħalli r-riżultati mixtieqa u tgħin biex inkomplu nħarsu l-ħajja fil-baħar ta’ madwarna!