L-Arċisqof Charles Scicluna tkellem dwar ix-xeni li fl-aħħar jiem qajmu diskussjoni dwar ċerti spettakli li qed isiru fit-toroq tal-Belt Valletta.
Skont sorsi fuq il-midja soċjali, waqt intervista, l-Arċisqof sostna li filwaqt li s-soċjetà qed tinbidel u tevolvi maż-żmien, id-dinjità tal-bniedem għandha tibqa’ valur fundamentali li jiġi rispettat dejjem. “Dawn ma kinux xeni ta’ manifestazzjoni kulturali. Ma jagħmlux ġieħ u mhumiex sinjal ta’ progress,” żied jgħid l-Arċisqof.
Il-kummenti tiegħu saru fid-dawl tal-kontroversja li nqalgħet dwar spettakli burlesque fit-triq fejn tinsab il-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt, li fl-aħħar jiem qanqlu diversi reazzjonijiet fuq il-midja soċjali. Huwa appella wkoll għas-sens komun u għall-koperazzjoni bejn l-entitajiet responsabbli sabiex il-liġijiet jiġu rispettati u infurzati. Jistqarr li dawn mhumiex xeni kulturali iżda ta’ burdell u dawn it-tip ta’ xeni jekk isiru, għandhom iseħħu f’ambjent ieħor adattat.
Huwa jtemm il-messaġġ tiegħu b'enfasi fuq ir-rispett lejn id-dinjità tal-persuni kif ukoll lejn l-ambjent li jkun qed jintuża.
Fb/ Archdiocese of Malta