L-attriċi lokali Pauline Spiteri Bugeja fuq il-mezzi soċjali tagħha taqsam punt riflessiv dwar l-importanza tal-infurzar, problema li jidher qed tħalli impatt fuq iċ-ċittadini lokali. Pauline tibda billi tgħid, “Sewwieq tal-Bolt isuq fuq bankina. Turista taqbeż fuq tinda fuq bar biex tiġbor ħwejjiġha, bin-nies jixorbu taħt it-tinda (Allaħares waqgħet). Tfajliet studenti turisti jidħlu u jixxabtu ma’ biċċa arti f’Paceville.”
Hi żżid, “Turist imdendel jixxabbat, sormu barra fuq iċ-ċint tal-bejt. Turisti jipixxu mal-pjanti u jaqilbuhom. Riħa ta’ ħaxixa fejn il-baħar, fejn tmur tiekol, f’darek – minn ta’ taħtek, ta’ fuqek jew tal-ġenb. Turist Taljan iżomm kju biex jagħmel ċajta qabel ma’ siefer minn hawn, qis hu qiegħed fid-dar tiegħu. Għajjat u storbju iljieli sħaħ kullimkien, bid-detriment tal-anzjani u nies li jridu jmorru għax-xogħol l-għada.”
Hi tkompli tgħid, “Nies barranin jikkakkaw u jagħmlu ħmieġ ieħor fil-pubbliku u mal-bibien tan-nies. Nies kważi għarwenin kullimkien – saħansitra fil-knejjes u fil-banek. Ħmieġ kbir tal-għaġeb kullimkien – kulħadd joħroġ l-iskart u żibel il-ħin kollu u f’kull ħin. Sewqan b’veloċità eċċessiva kullimkien, inkluż fuq zebra crossings.”
Pauline tgħid, “Jgħidulek: ‘Irrapporta!’ – imma jekk ma jsir xejn, bħalma jiġri spiss, x’taqbad tagħmel? X’jista’ jagħmel iżjed iċ-ċittadin komuni mingħajr infurzar? Meta ser jibdew jagħtu kasna? Meta ser nerġa’ nibda nħossni sigur f’pajjiżi? Min ser jaqbad il-barri minn qrunu u jkun hawn ftit serjetà?”
X’taħsbu dwar dan li qed tgħid?