Wara erba’ edizzjonijiet ta’ suċċess taħt l-isem ta’ Summer Vibes, din is-sena timmarka l-bidu ta’ identità ġdida għal wieħed mill-aktar avvenimenti mużikali live mistenni f’Malta: Ħamrun Music Fest. L-ewwel edizzjoni taħt dan l-isem il-ġdid se ssir nhar il-Erbgħa, 9 ta’ Lulju 2025, fl-iSchool of Music Grounds, Ħamrun, u se toffri esperjenza mużikali prestiġjuza ta’ livell internazzjonali b’tiżwieqa ta’ talent lokali.

Il-bibien jinfetħu fis-19:30, u l-festival jibda b’wirja enerġetika mit-trio “Family 3” b’kollaborazzjoni mal-kittarist Taljan rinomat Fabrizio Fedele. Magħrufa għall-istil rok elettroniku tagħhom, Family 3 flimkien ma’ Fedele se joffru spettaklu li jġib dimensjoni nternazzjonali lill-dan il-grupp.

Il-parti ewlenija tal-festival se tkun il-grupp DSL Dire Straits Legacy, proġett li jġib lura l-mużika tad-Dire Straits fejn se jiġu nterpretati suċċessi ta’ dan il-grupp ta’ fama mondjali li offra diversi suċċessi mondjali tul il-karriera tiegħu bejn l-1977 u l-1988.
Il-grupp DSL Dire Straits Legacy jinkludi diversi eks-membri leġġendarji tal-Dire Straits, fosthom:
• Alan Clark, il-keyboardist oriġinali u l-ewwel membru full-time li ngħaqad ma’ Mark Knopfler fil-lineup klassika. Alan kellu sehem fundamentali fl-evoluzzjoni u s-suċċess globali tal-band.
• Phil Palmer, guitarist rinomat li ngħaqad mal-band matul it-tour On Every Street u magħruf għall-istil sofistikat u l-versatilità tiegħu.
• Danny Cummings, perkussjonist famuż li r-ritmi enerġetiċi tiegħu żiedu ħajja u profondità mat-tour finali tal-Dire Straits.
• Mel Collins, saxophonist leġġendarju b’karriera estensiva fil-prog rock u jazz. Is-solos tiegħu b’ruħhom huma fost l-aktar mumenti memorabbli fil-wirjiet live u r-reġistrazzjonijiet tal-band.

Dawn il-mużiċisti leġġendarji flimkien ma’ oħrajn ta’ esperjenza se jwasslu repertorju mill-aqwa tad-Dire Straits b’awtentiċità, preċiżjoni u passjoni. L-udjenzi jistgħu jistennew klassiċi eterni bħal Sultans of Swing, Romeo and Juliet, Money for Nothing, u Brothers in Arms, interpretati bl-istess spirtu u virtuwiżmu li għamluhom leġġendarji.

Ħamrun Music Fest 2025 jimmarka kapitlu ġdid fil-kalendarju kulturali Ħamruniż. Festival li se jgħaqqad it-talent lokali ma’ dak internazzjonali. Ħamrun Music Fest kkunsidrat bħala d-destinazzjoni ewlenija għall-avvenimenti ta’ mużika live ta’ kwalità għolja għas-Sajf Malti tal-2025.

Biljetti għal dan il-kunċert memorabbli jistgħu jinkisbu permezz ta’ dan il-link. Idħlu HAWN. Kunċert lis-segwaċi u dawk kollha li jħobbu l-mużika tad-Dire Straits żgur li ma għandhomx jitilfu.