Sfortunatament is-sena li għaddiet kellna nisimgħu bit-telfa ta’ Emily, iċ-ċkejkna li serqet il-qlub ta’ kulħadd. Tista’ tgħid li għamlet impatt fuq il-midja soċjali u l-vjaġġ tagħha waqt li kienet qed tieħu l-kura sema’ bih xi ħin jew ieħor.
Bħal ma tagħmel dejjem ommha Vanessa Gatt ħejjitilha messaġġ mill-qalb fejn fih tirringrazzjaha ta’ kemm baqgħet magħhom minkejja li ħalliet din id-dinja fiżikament. “Il-ġojja ta’ qalbi. L-isbaħ anġlu tas-sema. Grazzi ta’ kemm qiegħda inħossok magħna. Ibqa’ ipproteġina minn hemm fuq.”
Vanessa taqsam anke kwotazzjoni ta’ Dean Jackson u tiddedikaha lil bintha Emily, li tgħid: “Ma tgħaddix ġurnata li ma nħarisx lejn ir-ritratt tiegħek u nitbissem, jew nibki, jew it-tnejn f’daqqa”. Strieħ fis-sliem anġlu ċkejken – f’qalbna għal dejjem għażiża Emily. Kuraġġ lill-familja kollha tagħha.