Xi drabi, inspirazzjoni sempliċi tista’ tbiddel kollox. Għal din l-artista Maltija, Cynthia Darmanin, kollox beda meta rat teddy bear ħlejju f’magazine. Meta skopriet li kien magħmul bl-idejn, tqanqlet minn ġewwa biex tipprova toħloq xi ħaġa simili hi stess.
Dak iż-żmien, ir-riżorsi kienu limitati. Ma kienx hemm ħafna tutorials disponibbli online, u li ssib materjal adattat f’Malta kienet sfida vera. Il-bidu ma kienx faċli, speċjalment meta wieħed jikkunsidra l-ispiża tal-materjali u n-nuqqas ta’ gwida ċara. Iżda minflok qatgħet qalbha, hija għażlet li titgħallem pass pass, billi tfittex informazzjoni minn hawn u minn hemm u tibni l-ħiliet tagħha bil-mod.
Il-proċess tal-ħolqien ta’ teddy bear wieħed mhuwiex xogħol ta’ ftit minuti. Jeħtieġ sigħat twal ta’ xogħol metikoluż, u aktar ma l-biċċa tkun żgħira, aktar issir diffiċli. Dawn il-kreazzjonijiet żgħar jeħtieġu paċenzja, preċiżjoni u dedikazzjoni kbira. Madankollu, huma proprju dawn id-dettalji li jagħtuhom il-karattru uniku tagħhom.
L-ispirazzjoni tagħha ġejja minn teddy bears antiki, u tagħmel sforz konxju biex tuża materjali eco-friendly, riflessjoni ta’ rispett lejn l-ambjent u r-ritorn għal tekniki tradizzjonali. Għaliha, mhux biss qed toħloq oġġett dekorattiv, iżda qed tħaddan ukoll valuri importanti marbuta mas-sostenibbiltà.
Is-sodisfazzjon li tħoss meta tlesti teddy bear huwa kbir , iżda l-akbar ferħ jiġi meta tara r-reazzjoni tan-nies. Xi wħud jgħidulha li dawn il-kreazzjonijiet ifakkruhom fit-tfulija tagħhom, filwaqt li oħrajn sempliċiment jitbissmu meta jarawhom. Dawn l-emozzjonijiet huma prova li xogħol magħmul bl-imħabba għandu valur aktar profond minn sempliċi oġġett.
Lil min jixtieq jibda f’dan il-qasam, il-parir tagħha huwa ċar: tibżax mill-imperfezzjoni. L-ewwel tentattivi mhux se jkunu perfetti u dan huwa normali. Bħal kull ħila oħra, kollox jitjieb bil-prattika u l-esperjenza. Bil-ħin, wieħed jibda jifhem x’jaħdem u x’le.
Interessanti wkoll li hija toffri korsijiet għall-bidu,opportunità ideali għal dawk li jixtiequ jidħlu f’din id-dinja kreattiva b’aktar gwida u kunfidenza.
Din mhijiex biss storja ta’ passatemp, iżda ta’ perseveranza, kreattività u passjoni li, ftit ftit, inbidlet f’forma sabiħa ta’ arti li ġġib ferħ lil oħrajn.