“Ix-Xemgħa Qabdet Mal-Ħwejjeġ U Kelli 65% Minn Ġismi Maħruq.” – Stefan Cutajar Jitkellem Dwar Esperjenza Li Għadda Minnha Li Bidlitu!

Stefan jitkellem mal-paġna popolari lokali The People of Malta fejn jistqarr, “Jekk fil-ħajja ma niħux gost b’dak li qed nagħmel ma nagħmilhiex. Huwa valur li akkumulajt bl-uġigħ li għaddejt minnu. Tagħmilx xi ħaġa li ma tagħtikx gost. L-uġigħ kien kbir wisq u għaraft li mhux ta’ ġieħ li ngħix f’burdata ħażina. Il-ħajja tgħallmek. Il-ħajja tbiddlek u tkabbrek.”

Infatti hu jispjega, “Meta tinqata’ minn dak is-sors li huwa ikbar minnek, ma jkollokx kuntentizza. Jiena kont persuna ambizzjuża ħafna, imma f’qalbi kelli toqba, kelli l-vojt, u ppruvajt nimla dan il-vojt u fittixt il-kuntentizza hemm barra, imma skoprejt li kienet ġewwa fija. It-toqba kienet ilha tikber ftit ftit. Meta tkun ambizzjuż, tibda tħares ‘il fuq biex tilħaq il-miri li tkun fassalt.”

Hu jgħid, “Fl-1995 bdejt naħdem fil-qasam tal-kompjuters fejn ksibt ħafna esperjenza. Sal-2009, ħdimt man-nies u fl-2011 bdejt in-negozju tiegħi. Ma kellhiex iktar min iħaddimni. Negozju li bdejtu tajjeb ħafna. Dak li ppjanajt li nikseb finanzjarjament ilħaqtu.”

Stefan jispjega, “Dan kollu lħaqtu għad-detriment tal-libertà li issa kienet nieqsa għax spiċċajt skjav tan-negozju tiegħi. Bnejt in-negozju kollu waħdi u spiċċajt inħaddem numru ta’ impjegati miegħi. In-negozju kien sejjer tajjeb ħafna. Iżda l-ħajja kienet qed turini li mhux ingawdi, saħansitra anki saħħti, ma kontx qed nieħu ħsiebha. Minn hemm imxejt għal impjieg ieħor. Kien żmien li ġejt emozzjonalment imkisser, li litteralment kont qed inħossni nifga biex nieħu n-nifs.”





Hu jitkellem dwar il-vjaġġ ġdid tiegħu, “Hawn bdiet il-fażi l-ġdida tiegħi. 2017. Kont iltqajt ma’ ċerta filmati li ħassejthom qed isejħuli. Neuro Linguistic Programming – dan kien kors li attendejt għalih u ltqajt ma’ persuna li qabad jiftaħ fuq is-suġġett tal-Plant Medicine. Dak li qalli kien prova ta’ dak li kont rajt u segwejt fuq il-filmati.”

Hu jżid, “F’Lulju tal-2018, sar avveniment f’Malta fejn ġew ix-Xamanisti (Shamanism) u jien attendejt. Waqt iċ-ċerimonja, kien hemm il-Plant Medicine, li ġejja mill-Peru, l-istess mediċina li rajt fil-filmati. Fl-ewwel u t-tieni ġurnata doqt u ħadt din il-mediċina. Fit-tielet ġurnata, irċevejt l-imħabba t’Alla. Kienet il-ġurnata fejn ħassejt l-imħabba tal-omm li qed iżżomm lit-tarbija fi jdejha. Il-mediċina tfejjaq lill-ġisem biex jirċievi l-ispiritwalità. Ħassejtni persuna ġdida, u gawdew miegħi l-familja.”

Stefan jgħid, “Tgħallimt li dak li għandek u dak li kapaċi tagħmel, aqsmu ma’ ħaddieħor għax se tgawdi int ukoll. Mhuwiex minnu li jekk tkun ‘a good person’ se tbati. Jien dejjem emmint fil-valuri li tgħallimt minn ċkuniti, valuri li m’għandux ikollok kompromessi magħhom u ma jinbidlux. Wara dan kollu, skoprejt verżjoni oħra tiegħi nnifsi. L-ikbar libertà li rċevejt hija meta taħfer. Huwa proċess.”

Hu jirrakkonta, “Fil-meditazzjoni kont inkun profond. Darba minnhom, l-unika darba li qabbadt xemgħa, intfajt fil-pożizzjoni tas-soltu, intlift u xħin qomt sibt il-ħwejjeġ imdewba. Ix-xemgħa qabdet mal-ħwejjeġ u kelli 65% minn ġismi maħruq. Dan kien fi Frar tal-2021. Għamilt 6 xhur l-isptar u anki kont f’koma.”

Hu jtemm jgħid, “Iżda ġejt iktar sensittiv minn qatt qabel. Il-ħajja għallmitni biex inkun ġeneruż miegħi nnifsi. Ħobb lilek innifsek. Għax b’hekk, tista’ tħobb lill-oħrajn. L-għarfien li għandi llum grazzi għaż-żewġ faċċati li doqt; in-negozju u l-ispiritwalità.”

Facebook / The People of Malta



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI