Il-Kamra tal-Ispizjara ta’ Malta tappella lill-Prim Ministru, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru tas-Saħħa flimkien mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni preżenti dwar li jsiru kull forma ta’ avvenimenti tal-massa, speċjalment dawk fejn wieħed ma jistax jiżgura monitoraġġ effettiv, inklużi dawk ta’ distanza soċjali u l-ilbies tal-maskra jew visors biex jipproteġu s-saħħa ta’ dak li jkun.
Iż-żieda enormi ta’ każi minn avveniment wieħed għal Kamra tal-Ispiżjara, “huwa kawża ta’ tħassib kbir għall-Kamra li ggwidat u appoġġat lill-membri tagħha matul l-aħħar 5 xhur sabiex il-Farmaċisti fil-komunità bħala professjonisti tal-kura tas-saħħa.” Dawn il-professjonisti baqgħu fuq quddiem biex iservu u jappoġġjaw lill-pazjenti, dawk li jieħdu ħsiebhom u dawk l-aktar vulnerabbli.
Il-Kamra titkellem fuq bażi ta’ organizzazzjonijiet xjentifiċi u professjonali fejn ilkoll jisħqu li għandna nsegwu x-xjenza sakemm ikollna vaċċin sigur u effettiv. Huma jkomplu jgħidu, “għandna nitgħallmu mis-sagrifiċċji magħmula minn kulħadd fl-aqwa tal-pandemija fl-aħħar xhur, li ħajja sana u ekonomija b’saħħitha jistgħu jeżistu u wieħed ma jeskludix lill-ieħor.”
L-istqarrija tagħhom tintemm bil-punt kruċjali, “Il-Kamra ttenni t-talba magħmula mill-MAM, il-MAPHM u l-MEA li l-avvenimenti tal-massa m’għandhomx isiru u li l-popolazzjoni għandha tkun immexxija b’mod effettiv biex timxi b’attenzjoni ħalli ma nitilfux dak kollu li nkiseb għad-detriment tas-saħħa tal-popolazzjoni speċjalment ta ‘ l-aktar vulnerabbli u b’konsegwenzi serji fuq l-ekonomija.”