John Portelli huwa Malti iżda ilu jgħix f’Toronto għal ħafna snin. Jitla’ u jinżel Malta b’mod regolari kull ftit xhur. John jgħidilna li iktar ma jgerbeb iż-żmien iktar iħossha iebsa li jdum ma jżur lil pajjiżu. Bħalissa jinsab maqbud Malta minħabba l-pandemija.
Huwa għex ħajja rikka, fejn żar bosta postijiet u kulturi differenti u ħadem bosta karrieri. Kiteb mhux ktieb wieħed jew tnejn u għallem diversi studenti f’universitajijet kemm lokali kif ukoll barra minn xtutna.
“Imkien Għall-Kenn” huwa l-aħħar ktieb riċenti li jikkonsisti minn 151 poeżija li nkitbu waqt vjaġġi li seħħew f’bosta pajjiżi fosthom Italja, Spanja, Greċja, Ungerija u Malta. L-isem tal-ktieb jista’ jiwassal għal żewġ interpretazzjonijiet opposti. L-ewwel waħda, meta wieħed ma għandu l-ebda post fejn jistkenn għal ftit irdoss. Il-kelma mkien tfisser ukoll post, li twassal għat-tieni tifsira post għal kenn. F’dan il-ktieb insibu poeżija dedikata lir-raħal ta’ Ħad-Dingli.
John jaqsam magħna memorji ħelwin li jeħduna lura fi żmien is-60. Fi ċkunitu kien jgħix il-Mosta iżda mbagħad marru jabitaw Ħad-Dingli, fejn kiienu jabitaw madwar elf ruħ biss. Ta’ 18-il sena kienet vera iebsa tgħix f’din il-lokalità għaliex trid toqgħod tinżel ir-Rabat sabiex taqbad tal-linja biex toħroġ ftit jew tmur l-università.
“Ma ninsa qatt l-ewwel lejla f’Ħad-Dingli. Nhar il-Gandlora, 2 ta’ Frar, 1962. Jum kiesaħ. Wasalna d-dar li konna krejna f’xi sitta ta’ filgħaxija. Dlam u toroq vojta. Riħ qawwi jvenven. Dar kiesħa u umda. Mhux bħall-Mosta fejn kont għixt kważi l-ewwel tmien snin ta’ ħajti. Kelli nitlaq il-ħbieb u kelli nabbanduna dak il-logħob ħelu li konna nilagħbu fit-triq fejn konna noqogħdu. Ħad-Dingli kien differenti. Ma kont naf lil ħadd. Konna noqogħdu fit-triq ewlenija u kien perikoluż nilagħbu barra minħabba l-karozzi. U kulħadd iħares lejja għax konna ġodda fir-raħal, u mhux mir-raħal. U aktar u aktar għax missieri issa kien it-tabib tal-berġa l-ġdid tar-raħal. Il-Mosta, anke ta’ dak iż-żmien, kienet belt ħdejn Ħad-Dingli, raħal imbiegħed b’madwar 1200 ruħ biss. Kont mistħi u l-fatt li kulħadd kien iħares lejja għamilni aktar introvert. Kienu nies ġenwini imma jiena l-attenzzjoni ddejjaqni. Minn dejjem ridt ngħix ħajja ta’ bniedem komuni. Hekk imraħtu lil dan ir-raħal kwiet, u għalija dipressenti għax ma kellix ħbieb. Il-kwiet u l-baħħ kien jeqridni.
Madwar l-1968 l-affarijiet inbidlu xi ftit. Xorta kont għadni ta’ waħdi u mhux kuntent bir-raħal li addottani u ħa ħsiebi. Ma kellix ħbieb. U kont ngħaddi ħafna ħin waħdi nimmedita fuq l-irdum. Dejjem noħlom meta ser nitlaq mir-raħal. Naqbeż jew insiefer? Imma madwar l-1968 is-Sależjani fetħu l-oratorju għall-ġuvintur. Ftit, ftit sirt midħla tal-oratorju. Permezz tal-oratorju ħriġt mill-qoxra, għamilt il-ħbieb, kont naħdem fuq il-palk u anke għal 4 snin kont is-segretarju tal-oratorju. Imma ż-żewġ ħbieb tiegħi li kienu minn hemm, ukoll kellhom ġenn biex jitilqu mir-raħal. Kien provincjali wisq għalina. Kien jirrestrinġina wisq. U maż-żmien ilkoll tlaqna. Wieħed l-Ingilterra, l-ieħor l-Italja, u jiena l-Kanada. Imma t-tlieta li aħna llum b’nostalġija niftakru fi żmien żgħożitna fir-raħal li rabbiena, fin-nies li għenuna u ħabbewna. Għalija dar-raħal sabiħ biss biex inżuru u niltaqa’ mal-ftit ta’ tampari li għadhom ħajjin. F’xi sens ma ħfirtlu qatt li seraqni mill-belt ta’ twelidi, l-għażiża l-Mosta. Imma sirt napprezzah ukoll.”
Nixtiequ nirringrazzjaw lil John Portelli tal-ħin tiegħu sabiex jaqsam dawn il-memorji prezzjużi dwar żmien li qatt mhu ser jerġa jiġi jżurna.

Facebook / John Portelli