Sefora Aquilina, magħrufa għall-paġna tagħha Diego and Us, kitbet messaġġ ta’ mħabba lil uliedha, biex tesprimi kemm huma mportanti għaliha.
Hi kitbitilhom, “Diego, int kont il-bidu ta’ kollox għalija. Miegħek esperjenzajt l-ewwel affarijiet kollha – l-ewwel iljieli twal, l-ewwel talb sieket, l-ewwel imħabba kbira li omm biss taf. Forsi mhux dejjem kont perfetta, imma ħabbejtek b’dak kollu li kelli. Tikber kemm tikber, dejjem se tibqa’ dak li għamilni omm l-ewwel.”
Żiedet tgħid, “Giulia Rose, int kont il-ħolma li saret realtà għalija. Meta nħares lejk nara riflessjoni tiegħi nnifsi. Imma iktar kuraġġuża, iżjed ċajtiera, iżjed brava, u ħafna isbaħ. Qalbi kellha bżonnok. Inti ġejt u għallimtni l-paċenzja. Int kont rigal mis-sema għall-affarijiet diffiċli kollha li għaddejt minnhom.”
Kitbet, “Luca, inti ġejt f’ħajja diġa mgħaġġla – dar mimlija daħk, storbju, u mħabba tiġġebbed f’kull direzzjoni. Imma b’xi mod meta wasalt int, kollox kiber. Inti ġejt u għallimtni kif nikkalma, u napprezza l-mumenti żgħar tal-ħajja għax issa naf kemm jgħaddu malajr.”
Temmet kliemha billi qalet, “Inħares lejkom it-tlieta u qalbi nħossha tinfaqa’ bi kburija, ferħ, u mħabba. Ħadd u xejn ma jista’ jiġi qrib ta’ dak li nħoss għalikom. Intom fuq kollox u kulħadd, dejjem.”
View this post on Instagram
Instagram / @diego_and_us