Malta Tenfasizza L-Ħtieġa Ta’ Inklużjoni U Ugwaljanza Fil-Politika Kulturali U Awdjoviżiva Tal-Unjoni Ewropea

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, indirizza l-laqgħa tal-Ministri tal-Kultura tal-Unjoni Ewropea li qed issir f’Pariġi fuq inizjattiva tal-Gvern Franċiż. Huwa enfasizza l-ħtieġa li l-UE tibni mudell ta’ finanzjament u regolamentazzjoni li jkun verament inklussiv u li jirrifletti b’mod ġust ir-realtajiet kollha tal-Istati Membri, irrispettivament mid-daqs jew l-influwenza tagħhom.

Il-Ministru Bonnici sostna li mudell Ewropew ġenwin għandu jiċċelebra s-suċċessi komuni filwaqt li jippermetti parteċipazzjoni attiva minn kull pajjiż, bla distinzjoni ta’ ġeografija, daqs jew lingwa. Dan il-mod biss jista’ jżomm il-politika kreattiva, awdjoviżiva u kulturali tal-UE bħala simbolu ta’ diversità, reżiljenza u demokrazija.





Matul id-diskors tiegħu, Dr Bonnici laqa’ l-impenn kollettiv favur id-diversità kulturali, il-kompetittività u l-valuri demokratiċi fil-qasam awdjoviżiv. Huwa esprima l-appoġġ ta’ Malta għall-promozzjoni tal-mudell Ewropew f’fora internazzjonali bħall-Festival ta’ Cannes, filwaqt li rrimarka l-importanza tad-Direttiva AVMS, il-programm Creative Europe MEDIA u l-isforzi nazzjonali li jżommu ħajjin l-ekosistemi kreattivi.

Huwa wissa li mingħajr mekkaniżmi apposta biex jappoġġjaw lill-Istati iżgħar, hemm riskju ta’ żvilupp mhux bilanċjat fl-ekosistema kreattiva Ewropea. Għaldaqstant, is-suċċess ta’ din il-politika għandu jkun ibbażat mhux biss fuq l-eċċellenza iżda wkoll fuq l-ugwaljanza u l-inklużjoni.

Fost il-proposti li għamel, il-Ministru elenka:



  • Appoġġ imfassal għal swieq iżgħar fil-kuntest ta’ Creative Europe MEDIA;
  • Inklużjoni ta’ lingwi minoritarji u anqas mitkellma fil-prijoritajiet ta’ finanzjament u distribuzzjoni;
  • Rikonoxximent tal-ostakli strutturali li jaffaċċjaw l-ekosistemi iżgħar fl-evalwazzjoni li jmiss tad-Direttiva AVMS u fl-istudji Media Outlook.

Barra minn hekk, appella għal aktar koproduzzjonijiet uffiċjali b’inċentivi strutturati u ċertifikazzjoni, kif ukoll għal rikonoxximent tal-valur kulturali ta’ koproduzzjonijiet mhux uffiċjali li huma kruċjali fis-swieq iżgħar. Saħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni istituzzjonali msaħħa bejn l-UE u korpi bħall-European Broadcasting Union (EBU) u COPEAM, kif ukoll l-istabbiliment ta’ qafas ċar u komuni ta’ ċertifikazzjoni għall-oriġini tal-produzzjonijiet awdjoviżivi Ewropej.

Il-Ministru temm billi rrikonoxxa r-rwol dejjem jikber tal-Mediterrane Film Festival li jsir f’Malta, bħala pjattaforma li tippromwovi d-diversità kulturali u ssaħħaħ ir-rabtiet bejn industriji awdjoviżivi minn pajjiżi Ewropej u ġirien Mediterranji.

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI