Titnieda Produzzjoni Edukattiva Ġdida Dwar Is-Sigurtà Fit-Toroq

L-Erbgħa filgħaxija tnieda uffiċjalment film edukattiv ġdid bħala parti mill-kampanja Aħsibha Darbtejn! waqt attività speċjali f’Ta’ Qali li laqqgħet magħha ġurnalisti u diversi personalitajiet mill-midja lokali.

Ir-reenactment li sar ilbieraħ ta rikostruzzjoni realistika ta’ inċident tat-traffiku, jagħti ħarsa diretta lejn dak li jiġri fl-ewwel minuti li jsegwu ħabta: il-mumenti kritiċi wara l-impatt u r-rispons immedjat tal-uffiċjali pubbliċi u tas-servizzi tal-emerġenza. L-iskop tiegħu huwa li juri mhux biss il-proċess tekniku ta’ intervent f’sitwazzjonijiet bħal dawn, iżda wkoll il-piż uman u l-konsegwenzi traġiċi li spiss iħallu warajhom dawn l-inċidenti.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, enfasizza l-importanza tal-inizjattiva fil-kuntest usa’ tal-kampanja. Huwa rrimarka li “nitkellmu ħafna dwar fatalitajiet u inċidenti, iżda ħafna drabi d-diskors jibqa’ superfiċjali.” Sostna li dan il-filmat għandu impatt ferm ikbar għax in-nies jistgħu jirrelataw direttament mar-realtà li jaraw.



Il-Ministru żied li l-kampanja llum tindirizza mhux biss kwistjonijiet tradizzjonali bħas-sewqan taħt l-influwenza tax-xorb, iżda wkoll fatturi ġodda li qed jikkontribwixxu għall-inċidenti, fosthom l-użu tad-drogi u tal-mobile waqt is-sewqan.



Id-direttur tal-film, Jason Zerafa, irrakkonta li l-esperjenza tat-tħejjija u l-ħidma tal-produzzjoni ħallitlu impatt qawwi. “Meta konna qed niffilmjaw indunajt li x-xeni li kienu jirreċtaw l-atturi jirriflettu realtajiet li, sfortunatament, nies reali jgħaddu minnhom,” qal b’emozzjoni waqt li spjega kif dan ix-xogħol biddel il-mod kif iħares lejn is-sigurtà fit-toroq.

Il-film għandu l-għan li jwassal il-messaġġ lill-pubbliku b’mod dirett, grafiku u immersiv. Permezz ta’ storja realistika u emozzjonali, b’biċċiet grafiċi adatti biss għal adulti, dan il-filmat ser iqajjem kuxjenza dwar kif deċiżjoni waħda ħażina tista’ twassal għal konsegwenzi kbar li jħallu effett devastanti fuq il-ħajja ta’ dak li jkun jew ta’ ħaddieħor.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-film se jibda jintwera f’mobile cinema apposta li se ddur diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Din l-inizjattiva se tkompli anke lil hinn mill-perjodu tal-festi, bħala tfakkira li s-sigurtà fit-toroq tibqa’ prijorità matul is-sena kollha.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI