F’dawn l-aħħar ġimgħat, remix partikolari qed tissemma’ dejjem aktar fuq l-istazzjonijiet tar-radju lokali u fil-clubs madwar Malta – remix li qed tagħti ħajja ġdida lil waħda mill-aktar diski Maltin ikonici tal-Eurovision. Qed nitkellmu dwar il-verżjoni ġdida ta’ The One That I Love, id-diska li biha Chiara irrappreżentat lil Malta fl-Eurovision tal-1998.
Wara din ir-remix hemm Eloquentia, DJ u produttur Mużikali Malti li bħalissa qed jagħmel isem qawwi fix-xena mużikali lokali. Il-verżjoni tiegħu tad-diska klassika rnexxielha tilħaq Top 5 fil-klassifika tal-kanzunetti Maltin, suċċess li jikkonferma kemm dan il-proġett laqat il-gosti ta’ udjenza b’mod wiesgħa – minn dawk li jiftakru l-Eurovision tal-1998 sal-ġenerazzjoni l-ġdida li qed tiskopriha b’verżjoni kemxejn iktar moderna.
L-idea wara din ir-remix irnexxielha żżomm din id-diska popolari mas-segwaċi bl-istess melodija oriġinali li tant għamlet suċċess iżda f’verżjoni kontemporanja, adattata għall-clubs u l-playlists tar-radju tal-lum. B’dan il-mod Eloquentia rnexxielu joħloq bilanċ bejn in-nostalġija u l-innovazzjoni tagħha. Għal Eloquentia, din ir-remix hija pass importanti ieħor fil-vjaġġ tiegħu bħala DJ u produttur.
Eloquentia huwa prova ċara li l-mużika Maltija kemm dik tal-passat kif ukoll dik tal-lum – tista’ tkompli tevolvi u tilħaq udjenzi ġodda. Bla dubju, dan il-proġett qed jerġa’ jqiegħed The One That I Love fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-pubbliku, din id-darba b’ritmu ideali fid-dinja tad-divertiment tal-lum.
Facebook/ Dj Vision Tv