F’kumment b’saħħtu, Johan Mifsud fakkar li n-nies li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali ma jġorrux sinjali viżibbli ta’ dak li qed jgħaddu minnu. Wara l-festi, huwa appella għal aktar sensittività u empatija, u saħaq li għal xi wħud l-istorbju, il-folol u r-ritmu mgħaġġel ta’ dawn iż-żminijiet jistgħu jkunu piż kbir fuq ġlieda li diġà qed isseħħ fis-skiet.
Hu jikteb, “Nies li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali m’għandhomx tabelli mwaħħlin ma’ rashom. Issa li għaddew il-festi, nista’ nitkellem fuq dan is-suġġett.”
Johan ikompli jgħid, “Għal dawn in-nies, id-dawl, in-nies, il-mużika, il-viżwali, ħafna avvenimenti wieħed wara l-ieħor, kuntatt eċċessiv fuq il-mobile u l-lista twila ta’ affarijiet li jġibu magħhom il-festi jistgħu jkunu ta’ piż kbir. Għalihom, il-ħajja “normali” diġà hija diffiċli — aħseb u ara meta jiżdiedu dawn l-affarijiet kollha.”
Hu jżid, “Il-punt tiegħi hu dan: meta tara lil xi ħadd jibqa’ lura jew jidher “stramb”, taħsibx biss fik innifsek, f’dak li għandek bżonn jew f’dak li qed tħoss inti, imma ikkunsidra li dik il-persuna tista’ tkun qed tmut minn ġewwa f’dawn iż-żminijiet.”
Johan jgħid ukoll, “Il-maskra li jilbsu dawn in-nies hija aqwa minn dik tal-atturi ta’ Hollywood — mhux għax irridu, imma għax is-sistema tagħhom ġiet imbuttata sal-limiti tagħha minn dak li għaddew minnu.”
Fl-aħħar hu jtemm, “Dis-sena, ejjew naħsbu iktar fil-proxxmu. Jaf ftit paċenzja u mħabba jbiddlu l-ħajja għal dejjem ta’ dawk li għaddew minn ħafna affarijiet fil-passat u li, fis-skiet, għadhom isofru l-konsegwenzi.”
Facebook / Johan Mifsud