Xufier tat-taxi fil-Kanada tħalla bla kliem meta fis-sigħat ta’ matul il-lejl rikkeb żewġ passiġġieri, b’waħda minnhom kienet mifnija bl-uġigħ hekk kif kienet fl-aħħar ftit mumenti tat-tqala tagħha.
Ġara li l-mara ma rnexxiliex tasal fil-ħin l-isptar b’konsegwenza li kellha twelled it-tarbija tagħha fit-taxi.
Ix-xufier irrakkonta kif dak il-ħin inzerta li kien il-maltemp u għalhekk b’mod speċjali għas-sigurtà tal-omm kellu jsuq bil-galbu. Isemmi li minħabba f’hekk il-vjaġġ dam ‘il fuq minn nofs siegħa u matulu beda jisma’ biss il-krib tal-omm li kienet qed tissielet mingħajr waqfien kontra l-uġigħ.
“F’mument minnhom, dak il-krib tal-omm waqaf u smajt minflok bikja tat-tarbija,” jkompli jirrakkonta x-xufier li jistqarr li l-bikja tat-tarbija serħitlu rasu.
Ftit wara waslu qawwijin u sħaħ l-isptar fejn ħarġu jiġru t-tobba fil-pront sabiex jagħtu l-għajnuna lill-omm u lit-tarbija li kienet għadha kif welldet. Ix-xufier isemmi li ftit minuti wara t-tobba ħarġu jiżgurawh li l-omm u t-tarbija kienu għaddew din l-esperjenza b’wiċċ il-ġid b’xorti tajba.
Bi tbissima fuq fommu x-xufier jistqarr li qatt ma għadda minn esperjenza bħal din fejn “rikkibt żewġ min-nies u ħarġu tlieta”.
Pexels