Il-maltemp qawwi li laqat lill-gżejjer Maltin jumejn ilu ħalla warajh ħsarat konsiderevoli fuq il-kosta, b’mod partikolari f’żoni magħrufa għall-ġeoloġija u s-sbuħija naturali tagħhom.
Il-baħar imqalleb u l-imbatt għoli wasslu biex biċċa mill-gżira ta’ Filfla tinqata’, filwaqt li ġarrfu wkoll kompletament it-Tieqa tax-Xoqqa, formazzjoni naturali li kienet tinsab mal-irdum ta’ Birżebbuġa. Din it-tieqa kienet ilha snin twal tifforma parti mill-pajsaġġ kostali tal-inħawi, iżda l-forza qawwija tal-mewġ kienet biżżejjed biex tħassarha fi ftit sigħat.
Il-ħsarat ma waqfux hemm. L-isfreġju kbir ġie rrapportat ukoll fiż-żona biswit Għar Lapsi, fil-limiti tas-Siġġiewi, fejn partijiet mill-blat u l-irdum ċedew taħt il-pressjoni tal-mewġ u r-riħ qawwi. Din iż-żona, li hija popolari ħafna mal-mixjiet u l-għawwiema fis-sajf, li ġiet affettwata b’mod viżibbli mill-maltemp.
Esperti qed ifakkru li dawn l-avvenimenti huma eżempju ċar tal-erożjoni naturali li l-kosti Maltin qed jaffaċċjaw, proċess li jista’ jissaħħaħ aktar b’kundizzjonijiet tat-temp estrem bħal dawk li rajna fl-aħħar jiem. Fl-istess ħin, qed jiġi appellat biex il-pubbliku joqgħod attent u jevita ż-żoni tal-irdum, speċjalment wara maltemp qawwi, minħabba r-riskju ta’ aktar ċedimenti.
Dwardu Photography