It-talba ta’ diversi nies u l-pressjoni li saret biex ikun hawn klinika ta’ emerġenza għall-annimali waslet biex mil-lum se jibda jiġi offrut dan is-servizz. Servizz li żgur li dawk li jħobbu l-annimali japprezzaw u dawk li se jkollhom xi emerġenza issa għandhom moħħhom ftit aktar sigur.
Il-Ministru Anton Refalo avża fuq il-mezzi soċjali tiegħu fejn qal, “Mil-lum, filgħaxija, jibda uffiċjalment l-ewwel Servizz Nazzjonali ta’ Emerġenza Veterinarja f’pajjiżna, pass importanti biex tissaħħaħ l-assistenza veterinarja f’każijiet ta’ emerġenza.”
Hu żied, “F’każ ta’ emerġenza veterinarja, iċ-ċittadini huma mħeġġa l-ewwel nett iċemplu l-helpline nazzjonali fuq il-freephone 153 Ext. 22. Il-ħinijiet tas-servizz huma mit-20:00 sat-8:00, mit-Tnejn sas-Sibt, u matul il-ġurnata kollha fil-Ħdud u l-festi pubbliċi. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ iċempel il-helpline qabel jattendi, sabiex jiġi żgurat servizz aktar effiċjenti.”
Hu jtemm jgħid, “Iktar dettalji rigward il-programm ta’ appoġġ għall-kura se jingħataw fil-jiem li ġejjin. Sejħa ta’ interess se tiġi ppubblikata mill-Ministeru sabiex il-kliniċi veterinarji privati, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, ikunu jistgħu juru l-interess tagħhom li jissieħbu u jipprovdu s-servizzi tagħhom skont il-kriterji stabbiliti.”