Post reċenti minn The People of Malta jerġa’ jfakkarna li l-istejjer l-aktar sinċieri spiss jiġu minn dawk li għexu ħafna ħajjiet f’waħda. F’din il-ġrajja niltaqgħu ma’ Porfirio, jew Paul, kif bdew isejħulu fl-Awstralja – raġel ta’ 88 sena li għadu “ġuvni” u li l-enerġija tiegħu tispikka.
Porfirio jgħid li jħobb joħroġ u saħansitra jaqbad tal-linja sal-Belt biex jgħid kelma ma’ xi ħadd. Għalih, il-konversazzjoni hi parti essenzjali mill-ħajja. U jekk xi tfajla titħajjar għalih? Jidħlilha mingħajr tlaqliq. B’dik l-onestà tipika tiegħu, jistqarr li nnamra diversi drabi, iżda dejjem jasal f’punt fejn iħossu “saturat”. Għalhekk, iż-żwieġ qatt ma kien it-triq naturali għalih. Illum, hekk kif jara lil sħabu jsiru nanniet u bużnanniet, iħoss taħlita ta’ dispjaċir u għira, għax minkejja li l-familja mhux dejjem “bed of roses”, hi esperjenza li hu qatt ma għex.
Ħaġa waħda ċerta, Porfirio ma jafx x’inhu li tieqaf. “Tgħidlix strieħ u tagħmel xejn,” jgħid, għax hu dejjem għaddej, dejjem jara x’se jivvinta. Kull għaxar snin, donnu kien jibda kapitlu ġdid. Kien arluġġar b’ħanut il-Ħamrun, imbagħad qatta’ snin jaħdem fil-pittura tas-sufanijiet.
Aktar tard daħal fid-dinja tal-fotografija, b’photostudio u photoshoots, sakemm fis-snin sebgħin ħass il-ħtieġa li jitgħallem iċ-ċeramika. Dak iż-żmien, Malta ma kinitx toffri din l-opportunità, u għalhekk mar l-Ingilterra għal kors ta’ tliet snin, fejn ikkwalifika u baqa’ jaħdem f’dan il-qasam għal 13-il sena oħra.
Anke llum, jekk ikun hemm xi ħaġa electrical jew mechanical, Porfirio jintefa’ jirranġa kollox hu stess. Il-kurżità u x-xewqa li jitgħallem qatt ma telquh. Kuljum jisma’ l-BBC radio u jaqra, għax kif jgħid hu stess, “jekk le kif tista’ tkun taf x’qed jiġri fid-dinja?”. Din l-imħabba għall-qari u l-kultura, jgħid, ġibha mingħand il-Franġiskani, ma’ min qatta’ għaxar snin fis-snin ħamsin, sakemm induna li l-ħajja tal-patri ma kinitx is-sejħa tiegħu.
L-istorja ta’ Porfirio hi xhieda ħajja li l-età hi biss numru, u li l-ħajja tista’ tkun mimlija bidliet, passjonijiet u skoperti sa l-aħħar nifs. F’soċjetà li ħafna drabi tgħaġġel tpoġġi lin-nies f’kaxxi, hu jfakkarna li m’hemmx triq waħda biss – u li xi kultant, li tibqa’ “ġuvni” jfisser li qatt ma tieqaf tistaqsi, titgħallem u tgħix.