Malta tinsab fil-luttu wara l-mewt ta’ Philip Farrugia Randon, li ħalla din id-dinja fl-età ta’ 76 sena. Personalità versatili u rispettata, Farrugia Randon kien magħruf għall-kontribut tiegħu fil-liġi, fl-arti, fil-letteratura u fil-qadi soċjali.
Ikkwalifika bħala nutar fl-1972 u avukat fl-1973, iżda l-interessi tiegħu kienu ferm usa’. Sa minn żgħożitu kien preżenza familjari fuq ir-radju u t-televiżjoni, b’imħabba kbira lejn il-kultura u l-ħajja pubblika. Artist u akwarellist, kiteb b’mod estensiv dwar artisti marbuta ma’ Malta, fosthom Caravaggio u J.M.W. Turner, u ppubblika wkoll poeżija u proża.
Matul is-snin serva bħala chairman tal-PBS u tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, filwaqt li kien impenjat ħafna fil-ħidma soċjali u reliġjuża. Kien president tal-Ordni Militari Sovran ta’ Malta lokalment u tal-Moviment Cana, u fl-2005 ġie onorat bl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.
A heartfelt tribute to Dr Philip Farrugia Randon (1949-2026) who was a loyal friend, a true gentleman, a dedicated patriot, a cherished husband & father. Condolences to Helen his wife and the rest of the family. May he rest in peace. pic.twitter.com/MRmwfa3H6L
— Bishop CJ Scicluna (@BishopScicluna) February 5, 2026
Għal ħafna, l-akbar wirt tiegħu jibqa’ Puttinu Cares, li beda minn karattru f’ktieb għat-tfal u llum huwa wieħed mill-aktar għaqdiet karitattivi importanti f’Malta.
L-Arċisqof Charles J. Scicluna sellem il-memorja tiegħu, u ddeskrivieh bħala “ħabib leali, raġel fuq l-irġiel ta’ veru u patrijott dedikat”. Philip Farrugia Randon iħalli warajh wirt qawwi ta’ kultura, ġenerożità u servizz lejn is-soċjetà Maltija.
F’isem it-tim ta’ Gwida, inwasslu l-kondoljanzi tagħna lill-familja kollha tiegħu!