Atletika: Rekords F’Pajjiżna U Prestazzjonijiet Mill-Aqwa Fil-Kamp Internazzjonali

It-tħejjijiet għall-istaġun tal-atletika qed jidħlu fl-aktar fażi intensiva tagħhom hekk kif Athletics Malta organizzat it-tieni Pre-Season Meet tas-sena fil-Marsa. Il-programm kien wieħed impenjattiv u attira parteċipazzjoni qawwija ta’ atleti minn diversi kategoriji.

Għalkemm l-istaġun għadu fil-bidu tiegħu, l-avveniment ipproduċa diversi riżultati pożittivi, fosthom żewġ rekords nazzjonali fil-kategoriji taż-żgħażagħ, it-tnejn minn atleti ta’ La Salle. Matteo Gauci waqqaf rekord ġdid U16 fl-1000m b’ħin ta’ 2:38.92, filwaqt li Matthew Azzopardi kiseb rekord U18 fis-600m meta temm f’1:22.78.

L-isprints reġgħu kienu fost l-aktar dixxiplini popolari, b’numru sabiħ ta’ parteċipanti fuq is-60m. Fil-kategorija tal-irġiel, Jorrin Busuttil ta’ Pembroke Athleta rreġistra l-aqwa ħin ta’ 7.06s, segwit minn Luca Gerada ta’ Rush AC b’7.11s. Busuttil kiseb ukoll l-ewwel post fit-300m b’34.81s, quddiem Graham Pellegrini (34.95s). Ta’ min jinnota wkoll il-prestazzjoni ta’ Rachid Chouhal li waqqaf rekord nazzjonali M50 fuq is-60m b’7.51s.



Fost it-tfajliet kien hemm parteċipazzjoni impressjonanti, b’37 atleta jikkompetu fuq is-60m. Claire Azzopardi kienet l-unika atleta li niżlet taħt it-8 sekondi (7.60s), quddiem Alessia Cristina (8.04s) u Carey Spiteri (8.06s). Azzopardi kompliet tiddomina meta rebħet it-300m f’40.01s, għal darb’oħra quddiem Spiteri li temmet f’42.47s.



Rekord ieħor li waqa’ kien dak tal-kategorija M40 fis-600m, b’Neil Brimmer jirreġistra 1:27.76. Fil-qasam tal-throws, Mariah Barbara kisbet 33.90m fil-hammer throw fil-kategorija Under 23, filwaqt li l-atleta ta’ 14-il sena Sophia Curmi impressjonat b’tefgħa ta’ 48.62m.

Sadanittant, atleti Maltin komplew juru livell għoli barra minn Malta. Charlotte Wingfield ġriet is-60m f’7.64s waqt il-Kampjonati Indoor ta’ Wales – l-aktar ħin veloċi din is-sena minn atleta Maltija f’trakka indoor. Fl-Istati Uniti, Jeremy Zammit, li jirrappreżenta lil UCLA, irreġistra 7.31m fil-long jump waqt id-Dr Martin Luther King Jr Invitational 2026, u ftit jiem wara tejjeb għal 7.46m fin-New Mexico Collegiate Classic 2026.

Mireya Bugeja temmet it-3000m f’9:50.26 f’Indianapolis, filwaqt li Rebecca Sare rebħet il-midalja tad-deheb fil-long jump waqt l-Open Masters f’Abu Dhabi b’qabża ta’ 5.44m — riżultati li jkomplu juru t-titjib tal-atletika Maltija fuq livell internazzjonali.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI