Ir-Reality Xow Ta’ Popolin – Żewġ Edizzjonijiet Speċjali Ta’ Dibattitu L-Ħadd Fuq TVM

Il-programm popolari Popolin fuq TVM qed jippreżenta verżjoni ġdida tiegħu permezz ta’ żewġ edizzjonijiet speċjali bit-titlu POPOLIN IR-REALITY XOW. Dan il-kunċett ġdid ser joffri lill-udjenza esperjenza alternattiva għal dik li ilkoll imdorrijin naraw fl-istudio, b’aktar spontanjetà, diskussjonijiet diretti u atmosfera aktar informali.

Għal dawn iż-żewġ programmi, tmien personalitajiet magħrufa ser jingħaqdu flimkien biex jiddiskutu temi kurrenti li qed jiddominaw l-aġenda nazzjonali. Il-parteċipanti huma Ivan Grech Mintoff, Salvu Mallia, Karl Stagno Navarra, Matthew Bartolo, Sue Caruana, Roberta Bonello Felice, Josianne Cutajar u Paula Cauchi.

Din il-kombinazzjoni ta’ persuni differenti għandha toffri konfront ta’ ideat, perspettivi u opinjonijiet b’saħħithom. Il-programm ser ikun immexxi minn Quinton Scerri, iżda b’differenza mill-format tas-soltu, iċ-ċentru tad-dibattitu ser ikun aktar immexxi mill-parteċipanti nfushom. Dan ser joħloq dinamika aktar naturali u awtentika, fejn il-konverżazzjoni tiżvolġi b’mod spontanju.

Għalkemm il-format jinkludi elementi ta’ reality show, il-programm jibqa’ jħaddan il-valuri li dejjem identifikaw lil Popolin: imparzjalità, rispett u spazju miftuħ għal kull opinjoni. Dawn huma l-pedamenti li kkontribwew biex Popolin hu l-aktar programm ta’ diskussjoni segwiti f’Malta. POPOLIN IR-REALITY XOW ser jixxandar il-Ħadd 22 ta’ Frar u l-Ħadd 1 ta’ Marzu għall-ħabta tat-20:45 fuq TVM.

Element ċentrali ta’ din l-edizzjoni huwa l-involviment tat-telespettaturi, li waqt il-programm ser ikollhom il-possibbiltà jivvutaw u jesprimu ma’ min jaqblu. Dan jagħti dimensjoni aktar interattiva u jsaħħaħ ir-rabta bejn il-programm u l-udjenza. POPOLIN IR-REALITY XOW iwiegħed żewġ serati ta’ dibattitu ħaj, dirett u bla filtri







Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI