“Għandi 26 Sena U Ilni Ħames Xhur Ma Nkellem Lill-Ġenituri Tiegħi… Għax Iddeċidejt Li Nitlaq Mid-Dar.” – Ġuvni Jaqsam L-Istorja Tiegħu

Il-paġna Ftit Minn Kollox taqsam l-istorja ta’ żagħżugħ ta’ 26 sena ilu ħames xhur ma jkellem lill-ġenituri tiegħu. Mhux għax għamel xi ħaġa ħażina, imma għax iddeċieda li jitlaq mid-dar tal-familja u jibda jgħix għal rasu.

Għalkemm huwa adult, studja u għandu xogħol stabbli, fid-dar tal-ġenituri kien għadu jiġi trattat ta’ tifel. Il-ġenituri tiegħu huma nies riġidi ħafna u, skontu, iżżejjed. Meta kien iżgħar, minkejja li kultant ipprova juri l-opinjoni tiegħu, b’xi mod kien jaċċetta l-indħil tagħhom. Iżda hekk kif kiber, beda jħoss li kienu qed jifgawh u li ma setax jibqa’ jgħix taħt l-istess saqaf f’dawk il-kundizzjonijiet.

Id-dar tal-ġenituri kienet mimlija regoli stretti. Trabba f’ambjent fejn kollox idur mar-reliġjon u fejn ma setax jesprimi opinjoni li ma taqbilx mat-tagħlim tal-knisja. Ma setax joħroġ jekk mhux għal attivitajiet reliġjużi, u lanqas ma kien permess joħroġ ma’ sħabu, anke għal affarijiet sempliċi bħal film jew kafè. Kull darba li kien joħroġ kontra qalbhom, ommu kienet iċċempillu kontinwament u anke umiljatu quddiem sħabu. F’okkażjoni minnhom, waslet biex marret tfittxu fil-post fejn kien u għamlitlu xenata quddiem kulħadd.

Anke meta beda jaħdem, il-kontroll baqa’ preżenti. Il-paga tiegħu kienet tidħol f’kont li ommu kienet tiċċekkja regolarment. Jekk ried jixtri xi ħaġa, kellu jitlob il-permess. Jekk ommu kienet tqis l-oġġett bħala żejjed, ma kienx jitħalla jixtrih.



Għal snin twal għex f’dik is-sitwazzjoni, saħansitra beda jaħseb li kienet in-norma. Ma kienx jitħalla jagħmel ħafna affarijiet waħdu. Jekk jipprova jgħin fid-dar, bħall-ħasil tal-art jew it-tisjir, ommu kienet tieħodlu kollox minn idejh u tgħidlu li qed jagħmel ħsara. Madankollu, qatt ma wrietlu kif jagħmel l-affarijiet jew ħallietu jitgħallem.



Fuq ix-xogħol kien iħares lejn kollegi tiegħu li jgħixu waħedhom u kien iħoss għira. Għalih kienet xi ħaġa kbira li wieħed ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet normali: joħroġ fi tmiem il-ġimgħa kemm irid jew jippjana vaganza mingħajr indħil.

Il-qasma definittiva waslet Ħadd filgħaxija, meta ried imur birthday party ta’ kollega. Missieru qallu le, għax beża’ li l-atmosfera ma tkunx “nisranija”. Hu wieġeb li għandu 26 sena u li ma jistax jibqa’ jiġi trattat ta’ tifel. Ommu akkużatu li kien qed jinbidel u li kien qed “jinġarr mit-tlellix tad-dinja”. Id-diskussjoni saret waħda taħraq, u missieru għajjat li sakemm jgħix taħt is-saqaf tiegħu kellu jobdi. Dak il-lejl mar fil-kamra tiegħu jibki u vvinta skuża lil sħabu biex ma jmurx.

Il-ġimgħa ta’ wara beda jfittix appartament żgħir ‘il bogħod mid-dar tal-ġenituri. Kollega tax-xogħol tatlu sapport morali u għenitu b’pariri. Meta qal lill-ġenituri li kien se jitlaq, ir-reazzjoni tagħhom kienet qawwija u mimlija insulti. Iżda din id-darba huwa ħass li kien rabba qoxra; ma baqax jibża’.

Iffirma l-kuntratt tal-kera, xtara l-affarijiet bażiċi u beda jorganizza ruħu. Ma domx ma dra r-rutina l-ġdida, fejn seta’ jasal id-dar mingħajr biża’ li xi ħadd jistaqsih kemm dam barra jew jiċċekkjalu l-mobile.

Minn meta telaq, il-ġenituri tiegħu ma kellmuhx aktar. Lanqas hu ma pprova jikkuntattjahom, għax għadu jistenna skuża għall-mod kif weġġgħuh. Ommu bagħtitlu messaġġ tgħidlu li kienet diżappuntata ħafna u li sar “raġel tad-dinja” li qed jintilef spiritwalment. Skont ħutu, id-dar lanqas biss iridu jisimgħu ismu. Hu ma rritornax u lanqas għandu l-ħsieb li jagħmel dan.

Illum qed ikompli jaħdem, iħallas il-kera u l-kontijiet, u jieħu ħsieb daru. Jasallu għajjien mix-xogħol, isajjar, inaddaf u xi kultant joħroġ għal mixja qasira. Mhux kollox faċli, iżda għall-ewwel darba f’ħajtu jħoss il-paċi. Jista’ joqgħod fuq is-sufan mingħajr biża’ ta’ ċanfira, idoqq il-mużika li jħobb, jistieden ħabib u jiddeċiedi hu meta jorqod. Ħadd ma jgħoddlu flusu jew jiċċekkjalu ħwejġu.

Għaddew ħames xhur. Kultant għadhom jiġuh dubji jekk għamilx il-pass it-tajjeb jew jekk hux tassew l-“iben ħażin” li jgħidu li hu. Iżda fil-fond ta’ qalbu jħoss li twieled mill-ġdid. Qed jesperjenza libertà li ħafna jieħduha for granted, u dan is-serħan il-moħħ ifakkru li għandu ħajja waħda biss – u jistħoqqlu jgħixha ferħan.



Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI