Il-paġna uffiċjali ta’ The Malta Records tħabbar żewġ rekords ġodda nazzjonali.
Huma kitbu, “The Malta Records, għal numru ta’ ġranet, żorna 2 garaxxijiet f’Ħal Kirkop sabiex ngħoddu numru ta’ kollezzjonijiet differenti u nippreżentaw rekords nazzjonali ġodda fil-gżejjer Maltin. Il-bieraħ ħabbarna rekord numru wieħed, l-ikbar ammont ta’ boċċi tal-ħġieġ, b’total ta’ 110,150 boċċa.”
Komplew, “Rekord numru 2: L-ikbar ammont ta’ żibeġ tal-logħob, b’total ta’ 44,000 żibġa. Dan ir-rekord nazzjonali ġdid ġie mwaqqaf minn Emanuel Azzopardi fil-garaxx li jinsab f’Ħal Kirkop. Tajjeb nispjegaw il-proċess biex wasalna għal dan l-għadd. Għoddejna elfejn żibġa u mbagħad imxejna bl-użin. Minn qalbna nirringrazzjaw lil Emanuel li għal bosta drabi laqagħna fi ħwejġu b’idejh miftuħin. Min jaf kemm hawn nies li se jġeddu memorji sbieħ u indimentikabbli ta’ kemm kienu jilagħbu biż-żibeġ fil-pjazez u t-toroq qabel ma t-teknoloġija ħadet il-kmand.”
Nawgurawlhom għal dawn il-rekords eċitanti!
Facebook / The Malta Records