Il-Konkatidral ta’ San Ġwann u Inizjamed qed jikkollaboraw flimkien għal lejla speċjali ta’ poeżija nhar it-Tlieta 17 ta’ Marzu, ftit jiem qabel il-Jum Dinji tal-Poeżija li jiġi ċċelebrat fil-21 ta’ Marzu. Din hija l-ewwel darba li dawn iż-żewġ istituzzjonijiet kulturali ewlenin f’Malta qed jingħaqdu għal attività li tiċċelebra l-kelma mitkellma u miktuba f’ambjent storiku u artistiku uniku.
Il-lejla ġġib l-isem “Inħoll l-Ilħna u l-Ilsna l-Oħra”, meħud mill-poeżija “Mestiza” ta’ Myriam Montoya, bi traduzzjoni għall-Malti ta’ Simone Galea. It-titlu jirrifletti l-ispirtu tal-attività, fejn il-poeżija se tinstema’ f’diversi lingwi tul tmien kappelli tal-Konkatidral.
L-attività se tieħu l-forma ta’ żewġ mixjiet poetici fil-kappelli laterali, kull waħda ddedikata għal lingwa differenti marbuta mal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Il-pubbliku se jisma’ testi poetici fil-lingwi rispettivi, flimkien ma’ traduzzjonijiet bil-Malti u/jew bl-Ingliż.
L-ewwel mixja tibda fis-7.30pm taħt il-gwida ta’ Maria Christina Zammit, filwaqt li t-tieni mixja — identika għall-ewwel — tibda fit-8.30pm u se tkun immexxija minn Jeremy Grech.
Il-lejla qed tiġi kkurrata minn Inizjamed taħt id-direzzjoni artistika ta’ Leanne Ellul, bis-skript maħdum minn Leanne Ellul u Jake Buttigieg. Numru ta’ qarrejja minn sfondi differenti se jagħtu l-ħajja lil xogħlijiet ta’ diversi awturi Maltin u internazzjonali.
L-attività hija miftuħa għal kulħadd b’donazzjoni ta’ €10. Għall-biljetti wieħed jista’ jżur is-sit www.stjohnscocathedral.com.
Facebook / St John’s Co-Cathedral