Il-Kurċifiss Mirakoluż Ta’ Ġieżu Se Jkun Espost Għall-Qima Tal-Pubbliku

Il-Patrijiet Franġiskani flimkien mal-Arċikonfraternità tas-Santissimu Kurċifiss tal-Valletta qed jistiednu lill-pubbliku Malti biex jattendi għal mument ta’ devozzjoni speċjali fil-Knisja ta’ Ġieżu, fejn se ssir l-espożizzjoni tal-Kurċifiss Mirakoluż magħruf bħala Ta’ Ġieżu.

Din l-espożizzjoni se ssir il-Ħamis 19 ta’ Marzu bejn it-20:00 u nofsillejl, u l-Ġimgħa 20 ta’ Marzu mis-6:30 sal-22:00, meta l-Kurċifiss Mirakoluż se jitqiegħed fuq l-artal sabiex il-pubbliku jkun jista’ jersaq għal mument ta’ talb u qima.



Il-lejl tal-Ħamis se jkun wieħed aktar ta’ ġabra u riflessjoni, fejn dawk li jattendu jkunu jistgħu jqattgħu ħin fit-talb personali quddiem il-Kurċifiss. Matul il-jum tal-Ġimgħa mbagħad ikun hemm programm estensiv ta’ quddies li jsir kważi kull siegħa tul il-ġurnata, b’uħud minnhom ukoll bl-Ingliż.



Tul il-ġurnata kollha se jkun hemm saċerdoti disponibbli biex jagħtu s-Sagrament tal-Qrar, filwaqt li se jitqassmu wkoll santi bit-tajjara mimsusa mal-Kurċifiss Mirakoluż, devozzjoni li hija popolari ħafna fost il-fidili.

Din is-sena se tkun esposta wkoll ir-relikwa ta’ Francis of Assisi, fl-okkażjoni tal-800 sena mit-Transitu tiegħu. Minħabba r-rispons kbir li kien hemm fis-snin li għaddew, din is-sena ttieħdu diversi miżuri biex l-esperjenza tkun aktar organizzata u devota.

Se jiżdied in-numru ta’ quddies biex il-fidili jkunu jistgħu jitqassmu aħjar matul il-ġurnata, filwaqt li d-dħul għall-knisja se jsir mill-bieb prinċipali u l-ħruġ minn Triq Sant’Ursola. Barra minn hekk, se jitwaqqaf skrin kbir fuq barra tal-knisja sabiex dawk li jkunu qed jistennew biex jidħlu jkunu jistgħu jsegwu dak kollu li jkun qed iseħħ ġewwa.

Il-fidili huma mħeġġa jattendu għal dawn il-mumenti ta’ talb u devozzjoni, u biex joffru wkoll it-talb tagħhom għall-paċi fid-dinja, speċjalment fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali li seħħew fl-aħħar xhur.



Ritratti:

Facebook / Carmen Borg

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI