Differenzi Mingħajr Diviżjoni – Ivan Grech Ifakkar Aspett Importanti F’Dawn Iż-Żminijiet

F’mument fejn id-diskussjonijiet politiċi qed jisħnu u spiss jaqbżu l-limiti tar-rispett, l-artist Malti Ivan Grech qasam messaġġ sempliċi iżda b’saħħtu li laqat lil ħafna, tfakkira li l-ħbiberiji u r-relazzjonijiet għandhom jibqgħu aktar importanti minn kull opinjoni politika.

Fil-kitba tiegħu fuq il-midja soċjali, Ivan appella lill-pubbliku biex ma jħallix differenzi politiċi jkissru rabtiet personali. Huwa enfasizza kif argumenti bla tmiem, li ħafna drabi jsiru personali u qarsa, rari jwasslu għal bidla vera fl-opinjoni ta’ xi ħadd. “Fl-aħħar mill-aħħar,” jispjega, “kull persuna għandha l-libertà li taħseb u tagħżel triqtha.”



Il-messaġġ tiegħu jfakkarna li ngħixu f’soċjetà demokratika fejn kulħadd għandu d-dritt jesprimi u jappoġġja lil min irid. Minkejja li aħna poplu passjonat, dan ma jfissirx li rridu nkunu diviżi jew aggressivi lejn xulxin. Ivan jenfasizza li l-iktar mument importanti jibqa’ dak tal-vot – mument privat fejn kull individwu jagħmel l-għażla tiegħu mingħajr pressjoni jew ġudizzju.



Interessanti kif iqabbel din ir-realtà ma’ dak li naraw tul is-sena f’avvenimenti ta’ karità u maratoni, fejn il-poplu Malti jingħaqad b’qalb waħda biex jgħin lil min hu fil-bżonn. Huwa jappella biex din l-istess empatija u ġenerożità ma tintilifx waqt il-perjodi elettorali.

Il-qalba tal-messaġġ tiegħu hija ċara, nistgħu ma naqblux, imma xorta nibqgħu nirrispettaw lil xulxin. Il-kliem, “rispett, simpatija u dinjità” huma, skontu, l-ingredjenti essenzjali għall-paċi f’pajjiżna. F’soċjetà dejjem aktar polarizzata, din it-“tfakkira ġentili” tiġi bħala nifs frisk, stedina biex inżommu lil Malta magħquda, mhux maqsuma, u biex, anke fi żmien ta’ “election fever”, nibqgħu naġixxu b’qalb kbira.

Fl-aħħar nett, Ivan jagħlaq b’messaġġ pożittiv li jħalli tama, li nkomplu “nixegħlu” bid-dawl tal-ġentilezza u l-għaqda, u nżommu lil pajjiżna fil-forma ta’ qalb



Ritratti:

Facebook / Ivan Grech

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI