Is-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut, qed iħeġġeġ lill-pubbliku biex jagħti aktar importanza lill-qari ta’ kuljum biex issir drawwa żgħira li tista’ tagħmel differenza kbira.
F’messaġġ li qasam dan l-aħħar, Sammut stieden lin-nies iżuru l-Librerija tal-Ħamrun, li tinsab ġewwa l-iskola Primarja San Ġorġ Preca GP fi Triq Ġużè Pace. Din il-librerija hija miftuħa għal kulħadd u tintuża minn għadd ta’ qarrejja, b’għażla ta’ kotba li dejjem qed tikber u tinkludi diversi ġeneri. Fil-messaġġ tiegħu nkluda wkoll il-ħinjiet tal-ftuħ sabiex wieħed ikun aġġornat.
Is-sindku enfasizza wkoll kemm hu importanti li t-tfal jidraw il-qari sa minn età żgħira. Għalhekk ħeġġeġ b’mod speċjali lill-ġenituri biex jieħdu lil uliedhom il-librerija, sabiex huma wkoll jibdew jesploraw id-dinja tal-kotba u jiżviluppaw imħabba lejn il-qari.
“Il-qari mhux biss passatemp, iżda mezz ta’ tagħlim u tkabbir personali,” qal, waqt li saħaq li inizjattivi bħal dawn jgħinu biex tinbena komunità aktar edukata u litterata.
Facebook/ Christian Sammut