Skont Tradizzjoni Antika, Għajn Rażul  Infetħet Minn San Pawl Wara L-Għarqa Tiegħu F’Malta

Fost il-wirt storiku li nsibu mxerred madwar Malta, hemm postijiet żgħar li forsi ma jiġbdux l-attenzjoni ta’ kulħadd, iżda li jorbtu magħhom story. Fost dawn insibu Għajn Rażul, li tinsab f’San Pawl il-Baħar, fil-parti magħrufa bħala l-Veċċa. Din l-għajn mhix biss funtana sempliċi, iżda hija marbuta ma’ tradizzjoni antika li tgħaqqad l-istorja, il-fidi u l-identità Maltija.

Skont leġġenda li ilha tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra, din l-għajn infetħet minn San Pawl wara l-għarqa tiegħu f’Malta, sabiex jaqta’ l-għatx ta’ dawk li kienu miegħu. Din il-ġrajja, minkejja li ma nistgħux nivverifikawha b’mod storiku, għadha tgħix fil-kultura tagħna u tagħti lil dan il-post valur spiritwali partikolari. L-isem stess “Rażul” iqajjem kurżità. Xi wħud jemmnu li għandu għeruq Feniċi u jfisser “appostlu”, filwaqt li oħrajn jarawh bħala isem Għarbi komuni. Il-kelma “għajn”, min-naħa l-oħra, tfisser nixxiegħa ta’ ilma li toħroġ mill-art, li tiddeskrivi perfettament il-funzjoni oriġinali ta’ dan il-post.



Il-monument li naraw illum jinkludi funtana mżejna bi statwa żgħira ta’ San Pawl li tmur lura madwar tliet mitt sena. Matul is-snin, il-funtana għaddiet minn diversi interventi ta’ restawr u fatt interessanti dwarha hu li oriġinarjament din l-għajn kienet tinsab aktar qrib il-baħar, iżda kellha titmexxa lura meta twessgħet it-triq ta’ quddiemha. Minkejja, l-isforzi ta’ preservazzjoni, il-qagħda li tinsab fiha illum inbidlet drastikament. Iż-żona tal-Veċċa, bħal ħafna partijiet oħra rat żvilupp intens u kostruzzjoni li biddlu kompletament il-karattru tagħha. Bini antik qed jitwaqqa’ u minfloku qed jitilgħu blokok ta’ appartamenti li jiddominaw il-pajsaġġ Malti.



Dan iqajjem mistoqsija importanti dwar il-futur ta’ siti bħal Għajn Rażul. Kemm qed nagħtu importanza lill-wirt tagħna? U kif nistgħu nsibu bilanċ bejn il-progress u l-preservazzjoni? Għax jekk darba kien hemm bżonn miraklu biex tinfetaħ din l-għajn, illum hemm bżonn ieħor biex nibqgħu napprezzaw u nipproteġu dak li fadlilna mill-passat tagħna.



Ritratti:

Facebook/ Kappa Vision

Ixxerja

STEJJER OĦRA

AQRA IKTAR



PARTNERS UFFIĊJALI